Wednesday, May 15, 2024

UNL: Malta megħluba fil-ħin miżjud f’wirja karatterizzata minn bosta żbalji

Aqra wkoll

Malta ………..…1

Estonja ………..2

Goal fil-ħin miżjud ikkastiga lill-Maltin għal telfa ta’ 2-1 kontra l-Estonja biex ħalla togħma morra f’logħba li għal ħinijiet twal konna l-aħjar team.

Fl-ewwel taqsima l-Maltin iddiżappuntaw bil-kbir minkejja li ħarġu tajjeb u meta dehru li se jibdew jiddominaw ingħataw penalty … li żvolġa f’wieħed katastrofiku … minħabba li  ġie fallut … biex ftit minuti wara l-Estonja skorjaw kontra x- xejra tal-logħob.

Dan il-goal kien doċċa kiesħa għall-Maltin li tilfu l-kordinazzjoni,  dehru żbilanċjati, diżorjentati mentalment biex bdew jikkommettu żbalji elementari. 

Peró fit-tieni taqsima, kie­nu aktar kompatti  u l-goal tad-draw kien injezzjoni psikoloġika biex kienu l-aħjar team territorjalment, bl- avversarji jagħżlu li jku­nu kawti u joperaw bil-kontrattakki biex irnexxielhom jirbħu l-logħba fil-ħin miżjud.

L-ewwel azzjoni waslet fis-seba’ minuta, min-naħa ta’ Malta meta mill-cross ta’ Ryan Camenzuli, id-daqqa ta’ ras ta’ Joseph Mbong spiċċat għoli.

Fil-11-il minuta, minn corner mogħti minn Jurgen Degabriele, id-daqqa ta’ ras ta’ Brandon Paiber spiċċat barra iżda l-Maltin ipprotestaw għal penalty meta Taijo Te­niste mess il-ballun b’idu biex ipprova jantiċipa lil Paiber … u permezz tal-VAR ir-referee Skoċċiż, Bobby Madden, ipponta lejn il-11-il metru. Iżda x-xutt ta’ Teddy Teuma kien wisq dgħajjef biex ġie salvat mill-goal­kee­per Karl Hein.

Ta’ dan in-nuqqas pattejna qares minħabba li, fl-21 minuta, l-Estonja fetħu l-is­kor meta Teuma tilef il-ballun fi tliet kwarti ta’ ground bil-ballun jasal għand KONSTANTIN VASSILJEV li b’xutt minn barra l-kaxxa għel­eb lil Henry Bonello.

Fit-38 minuta, il-Maltin heddew meta Mbong xeħet cross fil-baxx iżda l-konklużjoni ta’ Teuma falliet il-mira.

Minuta minn tmiem l-ewwel taqsima, f’azzjoni iżolata oħra, l-avversarji resqu viċin li jirdoppjaw meta Bonello laqa’ parzjalment ix-xutt ta’ Erik Sorga u mir-rebound Mattias Kait laqat il- ballun ħażin.

It-tieni taqsima bdiet b’xutt insidjuż ta’ Ryan Ca­menzuli li falla l-mira bi ftit … u ieħor ta’ Mbong li kienu għoddu ħasad lil Hein.   

Fil-55 minuta, Jurgen Degabriele għeleb in-nasba tal-offside iżda Hein dawwar f’corner ix-xutt tiegħu. U mill-istess corner ta’ Jurgen Degabriele, il-goalkeeper Karl Hein ippanċja ħażin bil-ballun jintemm fix-xibka tiegħu stess.

Mill-bqija tal-partita, il-Maltin baqgħu l-aħjar team iżda ftit li xejn impenjaw lill-goalkeeper avversarju.

Peró fil-ħin miżjud, l-Estonja skorjaw dak li kellu jkun il-goal tar-reb­ħa meta Steve Borg tilef il-ballun f’nofs il-ground għas-spejjeż ta’ Sergei Zenjov li ġera mal-linja u antiċipa l-ħarġa ta’ Bonello billi għadda lejn HENRI ANIER li rtokka l-ballun fix-xibka … fost id-diżappunt tal-partitarji Maltin.

MALTA: 1-Henry Bonello, 3-Ryan Camenzuli, 4-Steve Borg, 6-Matthew Guillaumier (21-Dunstan Vella 80), 7-Joseph Mbong, 10-Jurgen Degabriele (20-Luke Gambin 80), 11-Brandon Paiber, 13-Enrico Pepe, 14-Alexander Satariano (9-Luke Montebello 69), 17-Teddy Teuma, 23-Jean Borg (22-Zach Muscat 85) – Coach:  Devis Mangia

ESTONJA:  12-Karl Hein, 4-Mattias Kait, 7-Markus Soomets, 9-Erik Sorga (8-Henri Anier 60), 14-Konstantin Vassiljev (21-Martin Miller 94), 15-Maksim Paskotsi, 16-Joonas Tamm, 17-Robert Kriss (10-Sergei Zenjov 60), 18-Karol Mets, 19-Ken Kallaste, 23-Taijo Teniste – Coach: Thomas Haberli

REFEREE: Bobby Madden (Skozja)

ASS. REFEREES: David Roome, Alan Mulvanny (Skozja)

RABA’ UFF: Craig Napier (Skozja)

SKORERS: K. Vassiljev 21, H. Anier 93  (E); K. Hien 56 o.g. (M)

AMMONITI: M. Kait, S. Zenjov  (E); M. Guillaumier (M)

Sport