Il-coach ewlenija tat-team nazzjonali Malti tan-Nisa, Manuela Tesse, ħabbret l-iskwadra finali ta’ 23 player qabel il-partiti ta’ League B Grupp 3 ta’ dawn il-Kwalifiki Ewropej.
It-team Malti se jibda l-impenji tiegħu f’logħba kontra l-Irlanda ta’ Fuq, li se tintlagħab nhar il-Ġimgħa, 5 ta’ April, f’Windsor Park, Belfast, li tibda fit-8.00 pm. Imbagħad it-team jiffaċċja lill-Portugall, l-iktar wieħed ikklassifikat fil-grupp, it-Tlieta ta’ wara, 9 ta’ April, fis-Centenary Stadium, f’Ta’ Qali, fis-6.30 pm.
It-team Malti se jimbarka għal dawn il-Kwalifiki Ewropej, wara li kiseb il-promozzjoni minn League C fil-Kwalifiki tan-Nations League f’Diċembru li għadda.
Il-mixja pożittiva kompliet ukoll matul il-partiti ta’ ħbiberija internazzjonali li saru fi Frar li għadda, fejn il-coach Tesse kellha l-opportunità li tkompli tittestja l-iżvilupp tat-team b’rebħa kontra Faroe Islands u draw prestiġjuż kontra l-Belarus.
Tesse se tmexxi l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ illum filgħaxija, bil-players kollha magħżula, inklużi dawk li huma bbażati barra l-pajjiż. Sessjoni oħra ta’ taħriġ, l-aħħar waħda f’darna hija skedata għal għada t-Tlieta filgħodu.
L-iskwadra kollha ta’ Tesse hija:
Goalkeepers: Raisa Costantino (SPD Tharros, Italja), Janice Xuereb (Birkirkara).
Difensuri: Stephania Farrugia, Valentina Rapa, Ann Marie Said, Gabriella Zahra, Charlene Zammit (Birkirkara), Alexandra Gatt (Durham, Ingilterra), Emma Lipman (Como, Italja), Emma Xuereb (Swieqi U.).
Midfielders: Brenda Borg, Yulya Carella (Mgarr U.), Rachel Cuschieri (Sampdoria, Italja), Veronique Mifsud (Birkirkara), Nicole Sciberras (Hibernians), Dorianne Theuma, Shona Zammit (Swieqi U.)
Attakkanti: Haley Bugeja (Inter, Italja), Maria Farrugia (Lewes FC, Ingilterra), Jade Flask (Swieqi U.), Maya Lucia (NK Osijek, Kroazja), Alishia Sultana (Birkirkara), Kailey Willis (Venezja, Italja).