Saturday, November 16, 2024

UNL tan-Nisa: It-tfajliet Maltin jiktbu l-istorja

Aqra wkoll

Malta ………..2

Latvja ……….1

Minn Cristian Muscat

It-team nazzjonali tan-Nisa kiteb l-istorja b’ittri tad-deheb meta dawwar telfa f’rebħa ta’ 2-1 kontra l-Latvja, biex kiseb il-promozzjoni għal-League B tal-UEFA Women’s Nations League.

Il-Maltin temmew Grupp C fil-quċċata tal-klassifika b’16-il punt, fejn skorjaw 13-il goal, b’Haley Bugeja tiskorja tmienja minnhom … u sofrew goal wieħed biss li wasal proprju f’din il-partita.

Kienu l-Maltin li ħolqu l-ewwel periklu mal-kwarta loghob meta Kailey Willis kellha xutt mid-distanza jgħaddi  jħakkek ma’ sieq il-wieqfa.

Fis-27 minuta reġgħet kienet Willis li heddet għall- Maltin b’semi-rovexxjat li ntemmet barra.

L-avversarji wieġbu għall- ewwel darba, fil-31 minuta, meta Karlina Miksone approfittat minn indeċiżjoni fid-difiża Maltija iżda falliet il-mira.

Madankollu, ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Latvja fetħu l-iskor meta ngħataw penalty meta x-xutt ta’ Olga Sevcova ħabat ma’ id Stephania Farrugia.

Mill-11-il metru,  KARLINA MIKSONE tefgħet il- ballun naħa u lill-goalkeeper, Janice Xuereb, in-naħa opposta.

Iżda l-Maltin ma rmewx ix-xugaman, anzi wettqu reazzjoni mill-aqwa u ta’ dan ġew ippremjati hekk kif tmien minuti wara, ġabu l-iskor indaqs meta Maria Farrugia għaddiet  lejn Rachel Cuschieri li min-naħa tagħha xeħtet cross lejn KAILEY WILLIS li permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin tefgħet il-ballun fir-rokna tax-xibka.

Il-Maltin komplew jippressaw u fil-61 minuta Haley Bugeja xeħtet cross insidjuż fejn Maria Farrugia kellha d-daqqa ta’ ras tin­temm għoli.

Mal-ħin, it-tfajliet tagħna bdew juru l-aħjar logħob u ġiegħlu wkoll lill-avversarji jirtiraw lura biex jilqgħu l-pressjoni tagħhom.

Fil-65 minuta, Maria Farrugia, xeħtet lejn Haley Bugeja li minn pożizzjoni ideali, ma rnexxilhiex tinkwadra l-lasti.

Iżda, fit-73 minuta, il-Maltin skorjaw dak li kellu jkun il-goal tar-rebħa u l-biljett tal-promozzjoni.

Rachel Cuschieri serviet fuq platt tal-fidda lil MARIA FARRUGIA li qabżet difen­sura avversarja u tefgħet il- ballun fir-rokna tax-xibka.

Fil-ħin miżjud, l-is­tess Farrugia rreċiprokat il-pass lejn Cuschieri iżda l-kon­klużjoni fil-baxx intemmet barra.

Is-suffara finali ġabet magħha ferħ kbir mill-players li marru jirringrazzjaw lill-partitarji numerużi li marr fis-Centenary Stadium biex jagħtuhom l-approġġ kontinwu tagħhom.

Fil-partita l-oħra, Andorra u l-Moldova spiċċaw fi draw ta’ mingħajr goals.

MALTA: 1-Janice Xuereb, 3-Ann-Marie Said, 4-Emma Lipman, 5-Stephania Farrugia, 18-Emma Xuereb, 8-Rachel Cuschieri, 20-Nicole Sciberras (14-Shona Zammit 77), 17-Brenda Borg, 21-Haley Bugeja, 11-Kailey Willis, 9-Alishia Sultana (10-Maria Farrugia 46)   – Coach: Manuela Tesse

LATVJA: 12-Enija-Anna Vaivode, 13-Sandra Voitana, 5-Anna Flakse (11-Diana Suvitra 74), 10-Anastasija Rocane, 7-Paula Linina, 18-Anna Valaka, 16-Anna Kristine Gornela, 9-Anastasija Poluhovica, 8-Viktorija Zaicikova, 14-Olga Sevcova, 19-Karlina Miksone   – Coach: Romans Kvacovs

REFEREE: Rita Vehapi (Ko­sovo)

ASS. REFEREES: Lumturije Mu­hadri (Kosovo)

RABA’ UFF: Festina Koxha (Ko­sovo)

SKORERS: K. Miksone 50 (L), K. Willis 58, M. Farrugia 73 (M)

AMMONITI: V. Zaicikova, K. Miksone, A. Valaka, A. K. Gornela (L)

Ekonomija

Sport