Monday, May 13, 2024

Investiment mal-Kunsilli Lokali f’aktar proġetti ambjentali, infrastrutturali u ta’ servizz aħjar fil-komunità

Aqra wkoll

Meta laqa’ lis-Sindki tal-lokalitajiet kollha madwar Malta u Għawdex u lill-Presidenti Reġjonali fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Gvern impenjat li jibqa’ jinvesti flimkien mal-Kunsilli Lokali fi proġetti ambjentali ġodda u ambizzjużi flimkien ma’ infrastruttura aqwa u servizz aħjar liċ-ċittadini fil-komunitajiet tagħna.

Fl-okkażjoni tat-tletin anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali, il-Prim Ministru laqa’ lis-Sindki u lill-Presidenti tar-Reġjuni u saħaq magħhom li l-Kunsilli Lokali wkoll jieħdu d-deċiżjonijiet biex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem. Sostna li d-deċiżjonijiet għandhom ikunu mibnija fuq bilanċ bejn l-interessi differenti fis-soċjetà u dak li naspiraw għall-ġenerazzjonijiet futuri.

“Il-pajjiż jeħtieġ l-esperjenza tal-Kunsilli Lokali li jwettqu l-ħolm għall-komunitajiet,” qal Dr Abela hu jfisser li l-Kunsilli Lokali għandhom ikunu l-protagonisti li jersqu ‘l quddiem b’ideat. Il-Prim Ministru saħaq, “Ressqu anki soluzzjonijiet li intom l-iktar li tgħixu l-ħajja tal-lokal kuljum, forsi tifhmuhom aħjar.”

Fil-Berġa ta’ Kastilja l-Prim Ministru qal li l-Gvern se jibqa’ jimbotta favur it-titjib tal-komunikazzjoni bejn entitajiet governattivi u l-Kunsilli Lokali. Sostna li din twassal għal riżultat aqwa fil-ħidma li tkun qed issir.

Il-Prim Ministru nnota li s-sena li ġejja l-Kunsilli Lokali se jgħaddu minn test elettorali. Kien hawn li rringrazzjahom tal-kontribut qawwi b’risq il-komunitajiet Maltin u Għawdxin u ħeġġiġhom biex ikomplu jsaħħu l-impenn għal-lokalitajiet.

Sport