Sunday, May 5, 2024

“Se nkomplu d-diskussjonijiet biex indaħħlu l-kunċett ta’ paga ugwali għal xogħol tal-istess valur”

- is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-winding up tad-diskussjoni parlamentari b’rabta mar-riforma dwar l-Aġenziji tax-Xogħol, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul qal li jinsab kburi li flimkien ma’ sħabu tal-Grupp Parlamentari u tal-Kabinett, fasslu liġi li biha se jkunu qegħdin jiktbu l-istorja fil-liġi industrijali. Dan hekk kif hija l-akbar leġizlazzjoni li qatt ġiet varata f’dak li għandu x’jaqsam mal-liġi tax-xogħol.

Paripassu ma’ din il-liġi, is-Segretarju Parlamentari Ellul qal li se jissoktaw bid-diskussjonijiet biex jiddaħħal il-kunċett ta’ paga ugwali għal xogħol tal-istess valur b’mod ħolistiku. Huwa qal li diġà bdew id-diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali f’dan ir-rigward, liema diskussjonijiet jinsabu fi stadju avvanzat.

“Dan mhux kwistjoni li tqum filgħodu u tgħid ħa nbiddel u nemenda. Trid tara l-interessi ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema u dak huwa proprju l-irwol tiegħi bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mid-Djalogu Soċjali li nilħaq dan il-bilanċ. Il-liġi industrijali titfa’ obbligu fuqna li mmorru quddiem il-Bord tar-Relazzjonijiet tal-Impjiegi (ERB) qabel niġu hawn b’liġi.”

“Hekk għamilna meta daħħalna l-work life balance, meta żidna l-paga minima u meta biddilna t-temping agencies b’dawn ir-regolamenti li qed niddiskutu. Hekk għamilna bil-wage regulation orders. Nieħu gost li jintlaħaq dan il-bilanċ bejn rappreżentanti ta’ min iħaddem, rappreżentanti tal-ħaddiema u l-Gvern,” tenna s-Segretarju Parlamentari Ellul.

Huwa temm jappella li meta tiġi diskussa dwar il-liġi industrijali, jibqa’ jkollna dibattitu matur u miftuħ biex fl-aħħar mill-aħħar noħorġu l-aħjar biex f’pajjiżna dinja tax-xogħol reżiljenti, moderna u b’saħħitha, li toffri kundizzjonijiet tajbin lill-ħaddiema tagħna u kwalità ta’ ħajja aħjar għal min jiġi f’pajjiżna.

Sport