Monday, May 13, 2024

Ibburdjar: Wilfred Sultana jingħata l-Commodore’s Award 2023

Aqra wkoll

Il-Malta Cruising Club organizza l-ikla annwali tiegħu magħrufa bħala l-Commodore Dinner din is-sena fit-Terrace Restaurant tal-Westin Dragonara Resort nhar is-Sibt 2 ta’ Diċembru 2023. L-avveniment kien parzjalment sponsorjat minn Falken Tyre Europe, rappreżentata f’Malta minn Standard Limited ta’ Santa Venera.

Il-Commodore tal-Club, Johann J. Cuschieri ħabbar li t-trofew għall-2023 qed jingħata lill-kittieb u promotur sportiv lokali magħruf, Wilfred Sultana.

Wilfred Sultana kien għal numru ta’ snin membru tal-Kumitat tal-Malta Cruising Club u serva wkoll bħala l-Commodore tal-Club bejn l-2015 u l-2022. Kien preżenti wkoll fil-ġurnata li twaqqaf il-Klabb fl-2005 f’laqgħa li saret minn il-mibki Prof. Anthony Debono, il-fundatur tal-Club u ftit ħbieb oħra . Bħala ġurnalist sportiv attiv ħafna dakinhar, Sultana irnexxielu jintervista lill-Profs Debono ftit wara dik il-laqgħa.  

Il-Commodore’s Award, introdott fl-2011, jiġi ppreżentat kull sena lil dak il-membru li jkun ta servizz speċjali lill-Każin u lill-membri tiegħu.

Fit-tħabbira tiegħu, il-Commodore Johann J Cuschieri qal li; “Ir-rebbieħ tal-Commodore’s Award ta’ din is-sena qatt ma kellu dgħajsa iżda l-kontribut tiegħu għall-industrija marittima u l-isport, matul l-aħħar ħamsin sena, kien wieħed mill-aqwa. Wilfred Sultana huwa tassew denju ta’ dan ir-rikonoxximent”.

Għal Wilfred Sultana dan mhux l-ewwel premju li ngħatalu. Fil-karriera twil u attiv tiegħu kien hemm bosta okkażjonijiet fejn pubblikaturi lokali u internazzjonali, assoċjazzjonijiet tal-ġurnalisti sportivi kif ukoll Yacht Clubs irrikonoxxew id-dedikazzjoni ta’ Wilfred Sultana lejn il-komunità ta’ ibburdjar billi tawh premjijiet uffiċjali. 

Ir-rebbieħa preċedenti tal-Commodore’s Award kienu David Dingli (2011), Austin Calleja (2013), Pierre Aquilina (2017), Patrick & Nadine Genovese (2018), John Cini (2019), Dr Carmel Abela (2020), Dott. Ing. Luigi Tussellino (2021) u Winston Urpani (2022).

Fl-indirizz tiegħu, qabel ma ħabbar ir-rebbieħ tal-Commodore’s Award għall-2023, il-Commodore Johann J. Cuschieri irrefera għall-attivitajiet tal-Klabb li saru fl-2023 u ħabbar ukoll xi avvenimenti ppjanati għall-ewwel sitt xhur tas-2024. Ħabbar ukoll li l-Malta Cruising Club ġie aċċettat bħala membru sħiħ tal-Malta Sailing Federation minn Jannar tal-2024.

Ritratt:Fil-preżenza tal-membri tal-Kumitat tal-Malta Cruising Club, il-Commodore Johann J. Cuschieri jippreżenta lil Wilfred Sultana il-Commodore’s Award għall-2023 (X. sa L.) Patrick Genovese, Austin Calleja, Dr Carmel Abela, Joe Pace , Commodore Johann J. Cuschieri b’Victor Taliana fuq il-lemin.

Sport