Rennie u Angele minn Puttinu Cares, ir-rebbieħa tar-‘Role Model Award’ waqt iċ-ċerimonja tal-‘Public Service Awards’
L-emozzjoni kienet evidenti fuq wiċċ Angele Cushieri u Rennie Zerafa hekk kif irċevew ir-‘Role Model Award’ waqt iċ-ċerimonja tal-‘Public Service Awards’ li saret fil-Kastell Verdala taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono.
Iż-żewġ persuni, li għal aktar minn żewġ deċennji ilhom jaħdmu bla waqfien fi ħdan Puttinu Cares, qalu li dan ir-rikonoxximent huwa ta’ unur kbir, iżda enfasizzaw li l-premju ma jappartjenix lilhom biss. Fil-fatt dan il-ġurnal ħa l-kummenti tagħhom fejn taw l-emozzjonijiet li għaddew minnhom meta saru jafu li rebħu.
“Meta ssemma’ isimna ħassejt emozzjoni kbira. Huwa unur li x-xogħol li tagħmel b’tant dedikazzjoni jiġi rikonoxxut. Imma dan il-premju mhuwiex tagħna biss. Huwa ta’ kull min jagħti sehmu f’Puttinu Cares iġifieri l-voluntiera, il-ħaddiema, in-nies li jipparteċipaw fil-maratoni u dawk kollha li, b’xi mod jew ieħor, joffru l-għajnuna tagħhom,” qalet Angele Cuschieri.
Hija spjegat li l-ħidma f’Puttinu Cares hija ħafna aktar minn sempliċi impjieg. “Din hija missjoni. Kemm fil-karriera tiegħi ta’ infermiera, fejn qattajt madwar 40 sena naqdi lill-pazjenti, kif ukoll fil-ħidma tiegħi bħala Teżoriera ta’ Puttinu Cares, dejjem emmint li l-bniedem għandu jagħti minn qalbu biex jagħmel differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor.”
Angele qalet li l-ħidma ta’ Puttinu Cares hija kontinwa u kuljum iġġib magħha sfidi ġodda.
“Kull ġurnata ġġib magħha stejjer ta’ tbatija, iżda wkoll stejjer ta’ kuraġġ u tama. Meta tara persuna għaddejja minn marda serja, tibda tirrealizza x’verament tfisser il-ħajja. Titgħallem tapprezza lin-nies li jħobbuk u tifhem li m’għandna nagħmlu xejn fatta.”
Hija sostniet li s-soċjetà tal-lum għandha bżonn aktar role models, mhux biss għat-tfal iżda anke għall-adulti. “Role model huwa persuna li tmexxik lejn valuri pożittivi, li tispirak biex tagħti aktar u tgħix b’aktar sens ta’ responsabbiltà lejn l-oħrajn.”
L-istess sentiment esprima Rennie Zerafa, li qal li r-rikonoxximent jagħtih aktar kuraġġ biex ikompli jaħdem.
“Meta tirċievi premju bħal dan tieħu pjaċir, iżda fl-istess ħin tħoss responsabbiltà akbar. Dan jagħmillek il-kuraġġ biex tibqa’ taħdem u tgħin aktar nies. Inħoss li role models ma tantx għadna narawhom daqs qabel u għalhekk huwa importanti li kemm it-tfal kif ukoll l-adulti jkollhom eżempji pożittivi quddiemhom.”
Skont Rennie, kull persuna għandha talenti u kapaċitajiet li m’għandhiex iżżomm għaliha biss.
“Dak li għandek trid taqsmu ma’ ħaddieħor. Wieħed għandu jgħin lill-ieħor. Is-soċjetà tagħna ssir aħjar meta n-nies jiddeċiedu li jużaw il-kapaċitajiet tagħhom biex jagħmlu ġid.”
Huwa spjega li l-esperjenzi li jiltaqa’ magħhom kuljum f’Puttinu Cares bidlulu kompletament il-mod kif iħares lejn il-ħajja.
“It-tbatija tbiddillek il-perċezzjoni tal-ħajja. Kultant aħna ngergru dwar affarijiet żgħar u nieħdu kollox bi kbir. Imma meta tiltaqa’ ma’ nies li qed jiġġieldu għal ħajjithom jew li qed jgħixu mumenti diffiċli immens, tibda tara l-affarijiet b’mod differenti. Tibda tapprezza ħafna aktar dak li għandek.”
Angele qalet li kull pazjent u kull familja li tiltaqa’ magħhom iħallu marka fil-qalb tagħhom. “Aħna ma narawx numri jew każijiet, iżda persuni bi stejjer differenti, b’ħolm u bi tħassib bħal ta’ kulħadd. Kultant nisimgħu stejjer ta’ kuraġġ straordinarju li jispirawna biex nibqgħu għaddejjin.
Meta tara ġenituri jiġġieldu għal uliedhom jew pazjenti jaffaċċjaw l-isfidi b’determinazzjoni kbira, tifhem aktar kemm il-ħajja hija prezzjuża. Dawn huma l-esperjenzi li jkomplu jimmotivawna biex nagħmlu aktar u nkomplu nsaħħu s-servizzi tagħna ta’ appoġġ u kura.”
Puttinu Cares bħalissa qed tkompli tespandi s-servizzi tagħha permezz ta’ diversi proġetti ambizzjużi. Angele semmiet li fix-xhur li ġejjin se jiftaħ ċentru ġdid f’Londra, li mistenni jibda jilqa’ lill-pazjenti bejn Mejju u Ġunju.
“Diġà għandna 20 appartament f’Sutton li qed jintużaw minn pazjenti u l-familji tagħhom. Issa se jkollna wkoll 29 appartament ieħor, kollha offruti mingħajr ħlas. Il-pazjenti jistgħu joqogħdu fihom kemm ikun hemm bżonn. Dan jagħmel differenza enormi għall-familji li diġà qed jgħixu sitwazzjoni diffiċli.”
Hija żiedet li bejn 60 u 90 pazjent kull xahar jivvjaġġaw barra minn Malta biex jirċievu kura speċjalizzata u għalhekk il-bżonn ta’ akkomodazzjoni adegwata jibqa’ wieħed kbir.
Madankollu, il-ħidma ta’ Puttinu Cares ma tiqafx mal-pazjenti li jmorru barra minn Malta. Rennie tkellem dwar proġett ieħor li qed jagħtihom tama kbira, iċ-Ċentru Ħolistiku fil-Mosta.
“Jekk Alla jrid, dan il-proġett se jagħmel ġid enormi. Se jkun post fejn il-persuni u l-familji tagħhom jiġu milqugħa mill-ewwel mument tad-djanjosi. Ħafna drabi persuna tgħaddi minn stadji differenti ta’ xokk, ċaħda u rabja. Irridu nkunu hemm sa mill-bidu nett biex ngħinuhom ma jitkissrux u ma jibqgħux taħt il-piż ta’ dak li jkunu għaddejjin minnu.”
Għal Angele u Rennie, il-Role Model Award huwa rikonoxximent sabiħ, iżda fuq kollox huwa tfakkira li l-missjoni tagħhom għadha għaddejja.
“L-akbar premju għalina jibqa’ dak il-mument meta naraw familja tħossha sostnuta u persuna tħoss li mhijiex waħedha. Dak huwa s-sens veru ta’ dak kollu li nagħmlu,” temmew jgħidu t-tnejn li huma.

