Thursday, June 25, 2026

60% taż-żgħażagħ Ingliżi favur li jerġgħu jingħaqdu mal-UE

Aqra wkoll

Ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ Brittaniċi li ma setgħux jivvutaw fir-referendum tal-Brexit fl-2016 minħabba li ma kellhomx l-età tal-vot issa jemmnu li l-Brexit falla, bil-maġġoranza tagħhom titlob vot ġdid biex jerġgħu jingħaqdu mal-Unjoni Ewropea.

Il-Brittaniċi tal-Ġnerazzjoni Z għadhom juru nuqqas ta’ sodisfazzjon kbir bit-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, skont stħarriġ ġdid esklussiv fost żgħażagħ ta’ bejn it-18 u t-28 sena mwettaq mit-thinktank More in Common u flimkien mal-ġurnal Guardian.

L-informazzjoni miġbura fl-istħarriġ tiżvela li 60% ta’ dan il-grupp lesti jivvotaw biex jerġgħu jingħaqdu mal-blokk jekk jingħataw l-opportunità, filwaqt li 9% biss qalu li jivvotaw biex jibqgħu barra mill-blokk Ewropew.

Meta jiġu ffiltrati r-riżultati biex jiffokaw biss fuq dawk li x’aktarx jitfgħu l-vot f’referendum ipotetiku ieħor, il-marġni jsir kbir ħafna, bil-kamp favur ir-ringaġġ fl-UE jitla għal 81% tal-voti kontra 19% biss biex jibqgħu barra.

L-istudju More in Common, li stħarreġ 440 żagħżugħ u żagħżugħa madwar ir-Renju Unit, juri li 50% tal-Brittaniċi tal-ġenerazzjoni Z jikkategorizzaw il-Brexit bħala falliment. B’kuntrast, 16% biss iqisu l-proġett bħala suċċess, filwaqt li 34% huma indeċiżi.

L-ostilità lejn it-tluq tar-Renju Unit mill-UE hija l-aktar qawwija fost l-adulti żgħar. Fost dawk li għandhom bejn it-18 u l-21 sena – li kienu tfal ta’ bejn is-sitt u d-disa’ snin fl-2016 – 53% jiddikjaraw li l-Brexit huwa falliment, filwaqt li 12% biss jarawh bħala suċċess.

Dan is-sentiment jonqos xi ftit fost il-ġenerazzjonijiet akbar fl-età ta’ bejn il-25 u t-28 sena, għalkemm il-prospetti jibqgħu negattivi b’48% falliment għal 20% suċċess.

Filwaqt li hemm kunsens li s-sitwazzjoni attwali mhix qed taħdem, iż-żgħażagħ Brittaniċi huma maqsuma dwar jekk il-proġett tal-Brexit kienx difettuż kunċettwalment jew jekk ġiex maqtul mill-klassi politika.

Madwar 37% jemmnu li l-Brexit seta’ ħadem tajjeb iżda ġie rovinat mill-politiċi li mmaniġġjawh ħażin. 29% jargumentaw li l-proġett qatt ma kien se jaħdem mill-bidu nett filwaqt li 11% biss isostnu li l-Brexit ħadem tajjeb u 23% ma esprimew l-ebda opinjoni.

L-istħarriġ sar f’nofs dibattitu nazzjonali usa’ dwar it-trasformazzjoni demografika tal-elettorat tar-Renju Unit. Ir-riżultat ristrett tar-referendum tal-2016 – mirbuħ minn Leave b’51.9% kontra 48.1% minn Remain – kien immexxi ħafna mill-ġenerazzjonijiet ikbar fl-età.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport