Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg kompla b’numru ta’ żjarat f’istituzzjonijiet tas-saħħa madwar il-pajjiż bħala parti mill-ewwel impenji tiegħu f’din il-kariga.
Dr Borg żar dawn l-istituzzjonijiet sabiex jiltaqa’ direttament mal-ħaddiema, il-professjonisti tas-saħħa u l-pazjenti, filwaqt li jsegwi mill-qrib is-servizzi offruti, l-investimenti u l-pressjonijiet li qed jiffaċċja s-settur tas-saħħa sabiex jiġu identifikati soluzzjonijiet konkreti għall-isfidi tal-lum u ta’ għada.
“Wieħed mill-ewwel impenji tiegħi kien li niltaqa’ mat-tmexxija u mal-ħaddiema ta’ diversi istituzzjonijiet u entitajiet fis-settur tas-saħħa madwar il-pajjiż. Dan għamiltu fl-Isptar Mater Dei, fl-Isptar Karen Grech, fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Malta u issa wkoll ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Kull żjara kienet opportunità sabiex napprezza l-investiment kontinwu li qed isir fis-servizz offrut, filwaqt li nkomplu nidentifikaw oqsma fejn irridu nkomplu ninvestu, nirriġeneraw u ntejbu,” qal Dr Borg.
Matul dawn iż-żjarat, id-Deputat Prim Ministru kellu l-opportunità jara mill-qrib il-ħidma li ssir kuljum minn eluf ta’ professjonisti u ħaddiema tas-saħħa li jinsabu fuq quddiem nett tal-kura tal-pazjenti. Huwa sostna li f’kull istituzzjoni li żar kienet evidenti d-dedikazzjoni, l-professjonalità u l-impenn tal-ħaddiema lejn il-pazjenti u lejn it-titjib kontinwu tas-servizzi.
“Qabel nieħdu deċiżjonijiet importanti dwar il-futur tas-saħħa, irridu nisimgħu lil dawk li kuljum qed jagħtu s-servizz kif ukoll lil pazjenti nnifishom. Kien ta’ sodisfazzjon għalija nara l-impenn, id-dedikazzjoni u l-ambizzjoni li teżisti fis-settur tagħna. Dan jagħtini aktar fiduċja li flimkien nistgħu nkomplu ntejbu s-settur u nżommu lill-pazjent Malti u Għawdxi fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li nieħdu,” żied jgħid Dr Borg.
Fl-aħħar żjara tiegħu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, Dr Borg enfasizza l-importanza li s-servizzi tas-saħħa fil-gżira Għawdxija jkomplu jespandu sabiex il-komunità tibqa’ tgawdi minn kura moderna u ta’ kwalità qrib darha.
Fil-ġimgħat li ġejjin, id-Deputat Prim Ministru se jkompli b’dan il-programm ta’ żjarat f’istituzzjonijiet u servizzi oħra tas-saħħa madwar il-pajjiż, filwaqt li jkompli jmexxi ’l quddiem investimenti, inizjattivi u proġetti li se jkomplu jsaħħu s-sistema tas-saħħa Maltija.

