Dock Music se jerġa’ jirritorna f’Bormla nhar il-Ħadd 28 ta’ Ġunju 2026. Imtella’ fl-isfond storiku tal-Baċir Numru 1, dan l-avveniment bla ħlas, għal sena oħra, se joffri lejla ta’ divertiment live li se tlaqqa’ flimkien uħud mill-aktar artisti popolari Maltin għal spettaklu mill-isbaħ.
Id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli u ċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi.
Wara s-suċċess tal-edizzjonijiet preċedenti, l-avveniment se jerġa’ joħloq atmosfera unika fil-Baċir Numru 1, post li jipprovdi sfond ideali għal lejla ta’ mużika u divertiment li sena wara sena qed tkompli tikber fil-popolarità tagħha.
Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li Dock Music huwa eżempju mill-aqwa ta’ kif siti storiċi bħall-Baċir Numru 1 jistgħu jinbidlu f’ċentri ta’ kultura u komunità. “Permezz ta’ avvenimenti kulturali bla ħlas, qed ninkoraġġixxu lill-pubbliku jerġa’ jiskopri u japprezza l-wirt lokali tiegħu f’kuntesti ġodda. Inizjattivi bħal dawn juru kif l-ispazji pubbliċi jistgħu jsiru ċentri ta’ kultura u konnessjoni soċjali,” qalet il-Ministru Zerafa Civelli.
Hija ħeġġet lill-pubbliku jattendi għal dan l-avveniment kulturali u sostniet li l-Gvern se jkompli jappoġġja lill-Fondazzjoni Kottonera sabiex tkompli tisfrutta l-potenzjal tal-Kottonera permezz ta’ inizjattivi u attivitajiet ta’ kwalità.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi qal li dan il-festival sar wieħed mill-avvenimenti ewlenin fil-kalendarju kulturali tal-Kottonera. “Huwa sodisfazzjon kbir għalina li naraw tfal, żgħażagħ, ġenituri u nanniet igawdu flimkien dawn l-esperjenzi. Dan juri li Dock Music sar aktar minn kunċert; sar ċelebrazzjoni tal-komunità li tagħti ħajja ġdida lill-wirt storiku tagħna,” sostna Joe Mizzi.
L-avveniment se jibda fit-8.30 ta’ filgħaxija, b’wirja minn Kurt Calleja, li rrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest u li rebaħ ukoll il-festival Mużika Mużika. L-attrazzjoni ewlenija ta’ din is-sena se tkun Ira Losco, waħda mill-aktar artisti stabbiliti fix-xena mużikali Maltija.
Matul il-lejla se jingħaqdu wkoll diversi artisti lokali rinomati, fosthom Kersten Graham, Jasmine Abela, Diana Dragos u Mike Spiteri. Il-preżentaturi Geordie Schembri u Matthew Raggio se jkunu qed iżommu l-atmosfera ħajja b’doża kontinwa ta’ divertiment u interazzjoni mal-pubbliku.
Dock Music 2026 se jittella’ nhar il-Ħadd 28 ta’ Ġunju fil-Baċir Numru 1, Bormla, mit-8.30pm ’il quddiem. Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur il-website www.kottonera.mt jew ibgħat email fuq [email protected].

