F’numru ta’ pajjiżi, d-drawwa hi li kull qabel jitlaqqa’ l-kabinett tal-ministri, tiġi ppublikata l-aġenda li dwarha se jkun qed jiddiskuti. Wara, jingħata rendikont ta’ xi jkun ġie diskuss u deċiż. Hi ħaġa ċara li mhux kull ma jintqal jew iseħħ se jiġi mperreċ mal-erbagħt irjieħ. Biss ir-rendikonti li jingħataw juru kif id-deċiżjonijiet politiċi l-kbar ikunu qed jimmaturaw u jitwettqu. Żgur li f’każi fejn il-gvernijiet ikunu f’koalizzjoni, dal-metodu joffri skop kbir biex iċ-ċittadini jsegwu jekk hux qed isir progress bil-koperazzjoni li suppost tkun għaddejja bejn il-partiti fil-gvern. Dil-ħaġa qed tiġri bħalissa fil-Ġermanja…
Biss, anke meta gvern jitmexxa minn partit wieħed, jista’ jkun utli li l-aġenda tal-kabinett titpoġġa minn qabel quddiem il-poplu, u mhux biss għal raġunijiet ta’ trasparenza. Permezz ta’ dil-proċedura, gvern ikun jista jibqa’ jemfasizza kemm u kif qed iżomm ir-rankatura fit-tmexxija tiegħu. Sa fejn naf jien, f’Malta ma ntweriet l-ebda ħajra sa issa biex tiddaħħal dis-sistema.
SĦANA ANQAS
Fl-aħħar ġimgħat, meta tqabbel it-temperaturi li kellna f’Malta ma’ dawk ta’ uħud mill-pajjiżi kontinentali tal-Ewropa, il-kuntrast kien qawwi. Hawn, kellna sħanat anqas minn tagħhom.
Veru li bħala gżejjer, it-territorju tagħna suppost igawdi miċ-ċaqliq tal-arja li jkun qed jinħema mill-ibħra li jdawruna. Imma dan l-effett dejjem kien hemm – u f’imgħoddi li niftakar jien, ma kienx jirregalalna gradi ta’ temperatura aktar mielsa minn tal-bqija tal-Ewropa. Bil-maqlub.
X’inhu jiġri? Bilfors li huma l-bidliet fil-klima li qed jagħtu dawn ir-riżultati. Li n-nord tal-Ewropa jkun aktar sħuna miċ-ċentru tal-Mediterran, kif qed jiġri, xejn ma jaqbel ma’ kif is-sħana kienet titqassam fiż-żona Ewropea fi żmien mhux daqstant imbiegħed. Jew din hi tifkira żbaljata?
EWROPEJ
L-għaqda Ewropea tibqa’ proċess ħafna aktar komplikat milli jriduna nifhmu dawk li jtambrulna kif l-Ewropa trid tkun biex issalva lill-pajjiżi Ewropej milli jsiru tat-tielet klassi. Dil-perspettiva tiċħad għal kollox fattur ewlieni tal-qagħda Ewropea – li għadha magħmula minn nazzjonijiet bit-tradizzjonijiet, drawwiet u imġiba ekonomika differenti minn ta’ xulxin. Dawn id-differenzi mhux lakemm jitwarrbu f’nifs.
Tliet żviluppi riċenti kkonfermaw dil-ħaġa. Kellna d-deċiżjoni ta’ Franza u l-Ġermanja biex jabbandunaw il-proġett li jibnu flimkien fighter jets ta’ ġenerazzjoni ġdida. Jeżisti bħalissa nuqqas ta’ qbil bejn il-pajjiżi l-“kbar” u “żgħar” tal-Unjoni Ewropea dwar min għandu jitkellem għall-Ewropa fi kwalunkwe negozjati li jistgħu jsiru mar-Russja, dwar il-gwerra fl-Ukrajna. U hemm it-tilwima bejn il-Polonja u l-Ukrajna wara li tal-aħħar irxoxtat l-isem ta’ reġiment militari Ukren li kien responsabbli matul it-Tieni Gwerra Dinjija għal biżibilju ta’ atroċitajiet fil-Polonja.

