Thursday, June 25, 2026

In-NU se tevakwa l-baħħara maqbudin fl-Istrett ta’ Hormuz

Aqra wkoll

L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) tan-Nazzjonijiet Uniti mistennija tevakwa aktar minn 11,000 baħri li nqabdu fil-Golf Għarbi minħabba l-gwerra bejn l-Istati Uniti u l-Iżrael kontra l-Iran. L-operazzjoni fuq skala kbira se titwettaq f’kooperazzjoni mal-Iran, l-Oman, l-Istati Uniti, stati kostali oħra fir-reġjun u l-industrija marittima.

Bħala parti mill-pjan ta’ evakwazzjoni tal-IMO, żewġ rotot temporanji mill-istrett jistgħu jintużaw, bil-bastimenti jiġu kkuntattjati individwalment għal aktar struzzjonijiet, skont l-avviż tal-Oman lill-baħħara pprovdut mill-IMO. L-IMO qalet li se toħroġ rapport ta’ kuljum dwar l-għadd ta’ vapuri li jitilqu mir-reġjun mingħajr periklu.

Il-ġimgħa li għaddiet kien ġie ffirmat ftehim interim biex jintemm il-kunflitt, iżda l-Istati Uniti kif ukoll l-Iran qed ikomplu jargumentaw dwar id-dettalji tal-Ftehim.

L-Istati Uniti enfasizzat li l-abbozz tal-ftehim jinkludi garanziji li l-programm tal-armi nukleari tal-Iran jaqa’ taħt spezzjonijiet mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA). Dwar din il-parti, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump kiteb fuq il-midja soċjali nhar it-Tlieta li l-Iran qabel bis-sħiħ u kompletament ma’ spezzjonijiet nukleari tal-ogħla livell fil-futur.

Ftit qabel ma Trump kiteb dan, l-Iran qal li l-korp ta’ sorveljanza tan-Nazzjonijiet Uniti ma jkunx jista’ jispezzjona s-siti nukleari bbumbardjati mill-Istati Uniti u minn Iżrael is-sena l-oħra.

Il-President tal-Iran Masoud Pezeshkian qal waqt żjara fil-Pakistan nhar it-Tlieta li l-Iran qatt mhu se jinnegozja ma’ ħadd, taħt l-ebda ċirkostanza, dwar il-kapaċitajiet difensivi tiegħu.

Sadanittant, il-Prim Ministru tal-Pakistan Shehbaz Sharif ikkonferma li l-missili ballistiċi ma ġewx diskussi bejn l-Istati Uniti u l-Iran u għamilha ċara li ma kien hemm l-ebda referenza għall-missili ballistiċi fil-MoU. 

Is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Marco Rubio li beda żjara fil-Golf nhar it-Tlieta fl-Emirati Għarab Magħquda u se jżur ukoll il-Kuwajt u l-Bahrain – li t-tnejn jospitaw bażijiet militari tal-Istati Uniti – biex jiddiskuti l-ftehim ma’ Tehran wissa li l-ebda pajjiż ma jista jimponi tariffi fuq l-Istrett ta’ Hormuz, fejn l-Iran ilu jagħmel pressjoni biex jitlob ħlas mill-vapuri li jgħaddu minnu.

Wara t-28 ta’ Frar, meta bdew l-attakki kontra l-Iran għall-ewwel darba, il-pajjiż effettivament għalaq l-istrett li wassal biex il-prezzijiet globali taż-żejt jaqbżu l-$100 kull barmil ta’ żejt mhux raffinat. L-għeluq waqqaf ukoll il-konsenji ta’ enerġija u komoditajiet kruċjali bħall-fertilizzant.

S’issa, mill-inqas 172 bastiment ivvjaġġaw mill-Istrett ta’ Hormuz wara li reġa’ fetaħ, li kienu jinkludu 42 vapur nhar is-Sibt biss, skont dejta ġdida mill-kumpanija tal-intelliġenza marittima Kpler. Id-dejta analizzata tat-traċċar tal-vapuri turi li aktar minn 200 tanker jidhru li kienu qed jistennew ġewwa l-istrett nhar it-Tlieta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport