Wara wieħed mill-iktar perjodi sinifikanti u trasformattivi għall-Grupp f’dawn l-aħħar snin, ilbieraħ ittelgħet id-79 Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Simonds Farsons Cisk p.l.c.. Matul is-sena finanzjarja li għaddiet, il-Bord wettaq numru ta’ inizjattivi importanti u strateġiċi bil-għan li jsaħħaħ il-pożizzjoni fit-tul u l-attenzjoni tal-Grupp fuq l-oqsma tax-xorb u tal-ikel.
Ic-Chairman, Louis A. Farrugia qal li dawk l-azzjonisti li żammew l-investimenti tagħhom sa mill-ispin-off ta’ Trident Estates p.l.c. fl-2018, illum għandhom interessi fi tliet kumpaniji distinti elenkati. Dawn il-kumpaniji ħarġu mill-istess għeruq, u għandhom prinċipji ta’ governanza u struttura ta’ azzjonisti komuni. Minkejja dan issa kull waħda minnhom tinsab f’pożizzjoni aħjar biex taħdem fuq il-prijoritajiet strateġiċi u l-opportunitajiet ta’ tkabbir tagħha, taħt tmexxija u Bord differenti.
Norman Aquilina bħala Kap Eżekuttiv li se jħalli din il-kariga, qal li s-sena li għaddiet ma kinitx nieqsa mill-isfidi, iżda kienet ukoll waħda li ġabet magħha kisbiet importanti. Dan għaliex in-negozju tax-xorb kiseb turnover ta’ €106.5 miljuni kif ukoll żieda ta’ 8% fil- profitt ta’ qabel it-taxxa, li jammonta għal €15.9 miljuni.
Huwa rrefera għat-“22 sena inkredibbli” tiegħu ma’ Farsons, 16 minnhom bħala Kap Eżekuttiv tal-Grupp, u rringrazzja lill-Bord u lill-azzjonisti tal-opportunità li jmexxi din l-organizzazzjoni mill-aqwa tul perjodi ta’ tkabbir kif ukoll ta’ sfida.
Matul il-Laqgħa Ġenerali, is-Sur Roderick Chalmers irtira kemm mill-Bord, kif ukoll mill-Audit & Risk Committee wara 20 sena ta’ servizz dedikat. Iċ-Chairman iddeskrivieh bħala membru imprezzabbli tal-Bord għal ħafna snin u rringrazzjah għall-professjonalità tiegħu, il-ġudizzju bilanċjat u l-pariri għaqlin tiegħu.
Minfloku ġie maħtur is-Sur David Valenzia, li serva għal bosta snin bħala Senior Partner ta’ PwC Malta u li għandu esperjenza estensiva kemm fl-ambjent tan-negozju lokali kif ukoll f’dak internazzjonali.
Iċ-Chairman qal ukoll li, wara t-twaqqif ta’ Quinco Holdings p.l.c., is-Sur Norman Aquilina ġie maħtur Chairman Eżekuttiv ta’ din il-kumpanija, filwaqt li l-Bord ħatar lis-Sur Michael Farrugia bħala Kap Eżekuttiv ta’ Simonds Farsons Cisk p.l.c., b’effett mill-1 ta’ Lulju 2026.
Fl-indirizz tiegħu, Michael Farrugia qal li bidliet fit-tmexxija jġibu magħhom kemm kontinwità kif ukoll tiġdid, u li l-Kumpanija tħares ’il quddiem biex tkompli tkun innovattiva u tinvesti f’dak li temmen fih, fejn tara li tista’ toħloq valur fit-tul u fejn tista’ tibni fuq dak li jagħmilha b’saħħitha.
Iċ-Chairman irringrazzja lil Norman Aquilina fl-aħħar Laqgħa Ġenerali Annwali tiegħu bħala parti minn Simonds Farsons Cisk p.l.c., għad-dedikazzjoni tiegħu fil-kariga ta’ Kap Eżekuttiv matul l-aħħar sittax-il sena, filwaqt li awguralu suċċess fil-kariga ġdida tiegħu.
Il-Bord iddikjara final dividend ta’ €0.145 għal kull sehem pagabbli lill-azzjonisti fil-25 ta’ Ġunju 2026, li wassal għal full-year dividend ta’ €0.21.

