Il-proċess ta’ sħubija tat-Turkija fl-Unjoni Ewropea kompla jikkomplika ruħu hekk kif l-Gvern ta’ Ankara qed ikun akkużat b’ nuqqas ta’ impenn favur riformi demokratiċi, il-libertà tal-istampa u l-indipendenza tal-ġudikatura.
Waqt diskussjoni fil-Parlament Ewropew, il-Membri Parlamentari Ewropej ivvutaw favur riżoluzzjoni li tikkritika n-nuqqasijiet tal-Gvern Tork f’dawn l-oqsma, f’indikazzjoni ċara li t-Turkija tinsab ferm ‘il bogħod milli terġa’ tikkunsidrata bħala kandidat serju għas-sħubija.
F’din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament innota kif minkejja d-dikjarazzjonijiet ripetuti tal-Gvern Tork dwar l-impenn tiegħu favur l-Unjoni Ewropea, għad fadal bosta problemi li jxekklu l-proċess ta’ sħubija.
Ir-riżoluzzjoni sejħet lit-Turkija biex tindirizza tħassib dwar l-indipendenza tal-ġudikatura, l-istituzzjonijiet demografiċi u talbet rispett għal-liġi internazzjonali, b’mod partikolari fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien, b’mod partikolari mal-Greċja u Ċipru. Id-diskussjonijiet dwar is-sħubija tat-Turkija ilhom iffriżati sa mill-2018, iżda numru ta’ Gvernijiet Ewropej jaraw lil dan il-pajjiż bħala strateġikament importanti għall-Ewropa minħabba l-pożizzjoni ġeopolitika tiegħu, ir-rabtiet ekonomiċi u r-rwol bħal alleat tanm-NATO.
Il-pożizzjoni meħudha mill-Parlamentari Ewropej tidher li tirrifletti wkoll is-sentiment pubbliku madwar il-kontinent. Fi stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru, 55% taċ-ċittadini Ewropej qalu li kienu kontra sħubija tat-Turkija, filwaqt li 37% biss iddikjaraw lilhom infishom favur.
Fil-każ ta’ Malta, id-differenza bejn dawn l-opinjonijiet kontrastanti hija iżgħar. Madankollu, it-Turkija kien l-unika mill-pajjiżi kandidati jew potenzjalment kandidati li ma jgħaddix mill-opinjoni pubblika Maltija, b’42% jesprimu ġudizzju favorevoli, u 47% kuntrarju.
Filfatt, meta mistoqsija dwar pajjiżi oħra bħall-Ukrajna, il-Bożnija, is-Serbja, l-Albanija u anke l-Kosovo, il-maġġoranza tal-Maltin ma kienux kuntrarji li dawn il-pajjiżi jissieħbu fil-futur.
Waqt intervent fil-plenarja, Sancho Nachez Amor, MEP Soċjalista Spanjol, qal li t-Turkija riesqa lejn “mudell awtoritarju”, b’mod partikolari meta wieħed jikkunsidra l-azzjoni legali fil-kontront tal-partit ewlien tal-oppożizzjoni u l-mexxej tiegħu. Dan wara li f’Mejju li għadda, qorti reġonali kkanċellat ir-riżultati tal-Kungress tal-Partit Repubblikan, biex effettivament tajret lill-mexxej elett Ozgur Ozel. Din id-deċiżjoni ddgħajjef mhux ftit il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni qabel l-elezzjoni presidenzjali mistennija fl-2028.
Din id-deċiżjoni waslet għal protesti kbar li għalihom il-pulizija Torka rreġixxiet b’mod vjolenti fejn daħlet fil-kwartieri tal-Partit Repubblikan bl-użu ta’ gas tad-dmugħ biex tinforza l-ordni tal-qorti u toħroġ lill-uffiċjali tal-partit. Hu stmat li fl-aħħar sena, madwar 500 membru tal-oppożizzjoni, inkluż 16-il sindku tal-istess partit ġew arrestati jew investigati.
Fl-aħħar xhur, bosta rapporti internazzjonali xeħtu dawl fuq il-qagħda demokratika mwegħra tat-Turkija. Fl-Indiċi tal-Perċezzjonijiet dwar il-Korruzzjoni ta’ Transparency International, it-Turkija tilfet għexieren ta’ pożizzjonijiet u issa tinsab fil-124 post minn 180 pajjiż, b’punteġġ ta’ 31 minn 100, fl-istess livell ta’ pajjiżi bħall-Belarus u l-Użbekistan. Bosta ġurnali investigattivi rrappurtaw għadd ta’ stejjer ta’ frodi finanzjarja, manipulazzjoni fis-sejħiet ta’ kuntrattti pubbliċi u skandli ta’ korruzzjoni varji.
Il-każ tat-Turkija jibqa’ wieħed delikat, għal diversi fatturi, fosthom popolazzjoni ta’ 88 miljun u l-impatt li dan jista’ jkollu fuq is-suq Ewropew kif ukoll il-pożizzjoni ġeografika tagħha fil-konfini tal-kontinenti tal-Ewropa u l-Ażja. Hekk kif l-Ewropa qed tipprova tixpruna ‘l quddiem il-proċess tat-tkabbir, anke fid-dawl tar-realtajiet politiċi tal-lum, it-Turkija għandha quddiema pressjoni dejjem akbar biex tiddeċiedi jekk għandhiex tersaq lejn il-prinċipji Ewropej jew tkompli għaddejja fuq triq li twassal biex in-negozjati jibqgħu ffriżati.
Waqt l-istess diskussjonijiet, l-MEPs esprimew l-appoġġ għat-tkomplija tad-diskussjonijiet mal-Albanija, Bożnija, Kosovo, Maċedonja u l-Montegro, li jinsabu f’fażijiet differenti tan-negozjati, b’dan tal-aħħar ikun il-favorit bħala l-ewwel pajjiż mir-reġjun li jissieħeb fl-2028. Għall-kuntrarju, l-evalwazzjoni fuq il-Ġorġja kienet waħda negattiva, bil-parlamnetari jirrimirkaw nuqqasijiet kbar fil-qasam demokratiku, restrizzjonijiet fil-pajjiż u diżinformazzjoni qawwija kontra l-Ewropa fuq stil Russu.

Minkejja perspettivi differenti fuq il-pajjiżi kandidati, il-Maltin jibqgħu favorevoli għat-tkabbir tal-Unjoni, b’kważi 70% jappoġġjaw dan il-proċess. Mitluba jagħtu r-raġunijiet ewlenin għal dan, issemmew il-benefiċċju ta’ suq akbar, aktar opportunitajiet ta’ xogħol u ħaddiema tas-sengħa filwaqt u influwenza aktar b’saħħitha tal-UE fid-dinja.


