Thursday, June 25, 2026

Is-senat Amerikan jgħaddi rizoluzzjoni dwar is-setgħat tal-president għal gwerra

Aqra wkoll

Is-Senat tal-Istati Uniti li huwa kkontrollat mir-Repubblikani approva għall-ewwel darba miżura li titlob lill-President Donald Trump iwaqqaf il-gwerra fl-Iran jew ifittex l-approvazzjoni tal-Kungress qabel ma jkompli għaddej bl-azzjoni militari.

Din ir-riżoluzzjoni iżda hija fil-parti l-kbira simbolika għaliex, anke wara li tgħaddi miż-żewġ kmamar tal-Kungress, mhux se tintbagħat lil Trump għall-konsiderazzjoni tiegħu u m’għandhiex il-forza tal-liġi.

Għal darb’oħra, ftit senaturi Repubblikani ngħaqdu mad-Demokratiċi fil-vot tat-Tlieta li rriżulta 50-48. L-istess miżura ġiet approvata mill-Kamra tad-Deputati tal-Istati Uniti aktar kmieni dan ix-xahar. Dan seħħ hekk kif ir-Repubblikani fil-Kungress esprimew xettiċiżmu dwar il-pjan ta’ paċi li Trump qabel miegħu mal-Iran, meta l-kunflitt daqt jidħol fil-ħames xahar tiegħu.

Trump ikkritika r-riżoluzzjoni nhar it-Tlieta filgħaxija, u ddeskriviha bħala li “ma kinitx f’waqtha u bla sens” fl-stesswaqt li sostna wkoll li dawn is-Senaturi għadhom kemm għamlulu xogħlu aktar diffiċli. Irrimarka wkoll li minkejja dan, xogħlu se jlestih, b’xi mod jew ieħor. 

Il-vot fis-senat jimmarka l-ewwel darba li ż-żewġ kmamar tal-Kungress approvaw riżoluzzjoni li tagħti struzzjonijiet lil president biex itemm azzjoni militari minn mindu ġiet promulgata r-Riżoluzzjoni dwar il-Poteri tal-Gwerra tal-1973.

Ir-Riżoluzzjoni tesprimi s-sentiment jew ir-rieda tal-Kungress, għall-kuntrarju ta’ forom oħra ta’ leġiżlazzjoni li jmorru għand il-president biex jiġu ffirmati f’liġi. Fl-2019, Trump imblokka riżoluzzjoni konġunta li appellat għat-tneħħija tal-forzi armati mill-ostilitajiet fil-gwerra ċivili tal-Jemen.

Il-mogħdija tar-riżoluzzjoni konkorrenti hija sinifikanti għaliex iżżid il-pressjoni fuq il-White House biex tasal għat-tmiem tal-gwerra mal-Iran, li mhix popolari mal-pubbliku wara li l-prezzijiet tal-fjuwil żdiedu b’rata mgħaġġla.

L-istess miżura għaddiet aktar kmieni dan ix-xahar mill-Kamra tad-Deputati tal-Istati Uniti, fejn erba’ Repubblikani ngħaqdu mad-Demokratiċi biex approvawha b’vot ta’ 215-208.

Dan kien l-aħħar sinjal ta’ firda fost ir-Repubblikani ta’ Trump qabel l-elezzjonijiet ta’ nofs it-terminu f’Novembru 2026, li se jiddeterminaw jekk il-partit Repubblikan jistax iżomm il-maġġoranzi żgħar tiegħu fiż-żewġ kmamar tal-Kungress.

Il-vot tat-Tlieta kien l-10 darba li d-Demokratiċi tas-Senat irnexxielhom iġiegħlu vot dwar is-setgħat tal-gwerra tal-president. Dan ġara fl-istess jum li l-Pentagon talab lill-Kungress japprova madwar 80 biljun dollari, li l-biċċa l-kbira minnhom huma biex jiffinanzjaw il-gwerra mal-Iran.

Il-liġi federali teħtieġ l-approvazzjoni tal-kungress biex jitkomplew azzjonijiet militari għal aktar minn 60 jum. L-attakki bejn l-Istati Uniti u l-Iżrael fuq l-Iran bdew fit-28 ta’ Frar, għalkemm l-amministrazzjoni Trump argumentat li l-waqfien mill-ġlied ta’ April irrisettja l-arloġġ.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport