Thursday, June 25, 2026

PROVA OĦRA TAL-IMPORTANZA TAT-TURIŻMU F’GĦAWDEX

Aqra wkoll

L-aħħar stħarriġ ippubblikat mill-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) indika bl-aktar mod ċar illi t-turiżmu fil-gżira tat-tliet għoljiet għadu, daqs qabel, wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija Għawdxija. Dan huwa rifless ukoll minn dak li qalu l-maġġoranza tan-negozji li s-sena l-oħra raw żieda fl-attività ekonomika tagħhom meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. 

Minkejja dan il-progress sinfikanti, għad hemm aspetti li jeħtieġ li jiġu rfinati sabiex il-prodott turistiku Għawdxi jkompli jitjieb u jwassal biex dawk li ma raw ebda titjib fin-negozju tagħhom ikunu jistgħu jirrimedjaw. Dan qed ngħiduh ukoll għaliex issa li beda l-istaġun tas-sajf, l-attività ekonomika fuq il-gżira Għawdxija mistennija tiżdied b’mod sostanzjali. U għalhekk dan l-istaġun mistenni jkun wieħed kruċjali għall-operaturi turistiċi Għawdxin.

Fil-frattemp iżda, ma rridux ninsew ukoll li l-attività turistika Għawdxija m’għadhiex għas-sajf biss imma qiegħda tkompli tirreġistra suċċessi matul is-sena kollha. Dan mhux qed ngħiduh aħna, imma joħroġ ukoll minn dan l-istħarriġ fejn il-maġġoranza tan-negozji rrapportaw li d-dħul tagħhom kien wieħed favorevoli matul is-sena 2025. 

Għalhekk filwaqt li nosservaw illi dawn ix-xejriet huma pożittivi ferm, huwa meħtieġ li jissokta l-investiment fin-negozji, kif fil-fatt diġa qiegħed isir, fl-istess waqt li tibqa’ tissaħħaħ il-promozzjoni tal-gżira Għawdxija anke b’mod internazzjonali. Dawn bla dubju jwasslu għal aktar riżultati mixtieqa. 

Il-Prim Ministru Robert Abela nnifsu, fi żjara li għamel dan l-aħħar fil-gżira Għawdxija, irrimarka li Għawdex għandu dak kollu li jeħtieġ biex ikompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala destinazzjoni unika fil-Mediterran. Asserzjoni li fil-fehma tagħna hija korretta perfettament.

Barra minn hekk, il-fatt li qed isir aktar investiment ta’ livell għoli, li jirrifletti l-identità u l-karatteristi uniċi tal-gżira Għawdxija, għandu għax jinftiehem li dan kollu għandu jħajjar aktar turiżmu ta’ valur għola li tgawdi minnu l-komunità Għawdxija matul is-sena kollha. 

Jidher li l-Gvern, kif għamel diġà fil-leġiżlatura li għadha kif intemmet, se jkun qiegħed ikompli jappoġġja kwalunkwe miżuri u investimenti li jagħtu ħajja ġdida lill-ekonomija Għawdxija.

Dan jinstab elenkat saħansitra fil-manifest elettorali Int Malta, li jagħti prijorità lil Għawdex fejn tressqu b’kollox 100 miżura speċifikatament għal din il-gżira, inkluż miżuri favur turiżmu ta’ kwalità u aktar sostenibbli, investiment fil-prodott turistiku, taħriġ speċjalizzat għall-ħaddiema u dawk involuti, kif ukoll titjib fil-faċilitajiet li diġà jeżistu flimkien ma’ oħrajn ġodda fis-settur.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport