Kitarrist Ungeriż, drummer Malti-Awstraljan, bassist li jikteb il-kanzunetti u kantant li ġej mid-dinja tat-teatru ma tantx jinstemgħu bħala l-ingredjenti ta’ ‘rock band’ tradizzjonali. Madankollu, proprju din it-taħlita mhux tas-soltu hija li tagħmel lil LASKARIS daqshekk unika.
Il-kitarrist Peter Sólyom, id-drummer David Criminale, il-bassist Alan Calleja u l-kantant Andy Muscat waslu s’hawn minn toroq differenti ħafna iżda malajr skoprew li l-mużika kienet il-lingwa komuni li tgħaqqadhom. Dak li beda bħala esperiment malajr inbidel f’impenn serju, bi provi regolari li saru parti mill-ħajja ta’ kuljum. Ma damx ma deher ċar li LASKARIS kienet saret ħafna aktar minn sempliċement proġett sekondarju.
Din l-idea li nħarsu lil hinn mid-differenzi tagħna hija riflessa wkoll fl-isem tal-‘band.’
LASKARIS tieħu isimha mill-Gran Mastru Lascaris, jew kif bosta jafuh, Laskri, figura storika li ħafna jassoċjaw mal-miżuri kontroversjali tiegħu dwar l-użu tal-maskri waqt il-Karnival fi żmien il-Kavallieri. Għalkemm ħafna jiftakruh bħala persuna stretta, il-‘band’ intlaqtet minn aspett differenti tal-istorja tiegħu. L-idea li nneħħu l-maskri kellha tifsira partikolari għall-esperjenza tal-grupp.
Ngħixu f’dinja mimlija tikketti. Naqsmu lilna nfusna skont in-nazzjonalità, l-età, il-politika, ir-reliġjon, il-professjoni u għadd bla tarf ta’ differenzi oħra. Madankollu, l-eżistenza stess ta’ LASKARIS hija prova li dawn it-tikketti ħafna drabi għandhom inqas importanza milli naħsbu. Erba’ persuni bi stejjer differenti ħafna ltaqgħu permezz tal-mużika u skoprew li għandhom ħafna aktar affarijiet komuni milli qatt setgħu jimmaġinaw.
Din il-filosofija tkompli tidher ukoll fil-mużika tal-‘band.’
Għalkemm LASKARIS tqis lilha nnifisha bħala ‘rock band,’ il-versatilità hija fil-qalba tal-identità tagħha. Ir-repertorju tagħha jkopri diversi snin u stili differenti, minn Muse u Nirvana sa The Beatles, Elvis Presley u klassiċi Maltin bħal dawk ta’ Freddie Portelli. Xi kanzunetti jistiednu lill-udjenza tkanta magħhom, oħrajn iqajmu l-enerġija u jġiegħlu lin-nies jiżfnu, filwaqt li oħrajn jiċċelebraw l-ispirtu dejjiemi tar-‘Rock and Roll.’ L-għan mhuwiex li tidħol f’kaxxa waħda, iżda li toħloq esperjenza fejn kulħadd iħossu milqugħ.
Ir-rispons s’issa qabeż kull aspettattiva. Li tara nies ikantaw, jiżfnu u jintilfu fil-mużika kkonferma dak li l-membri tal-band ħassew mill-bidu nett: li għandom xi ħaġa speċjali. L-enerġija tal-pubbliku u l-kummenti pożittivi li rċevew wara l-wirjiet tagħhom komplew isaħħu l-fiduċja tagħhom f’dak li qed jibnu.
B’ħarsa lejn il-futur, l-ambizzjoni tal-band hija ċara. LASKARIS tixtieq toħroġ il-mużika oriġinali tagħha u tilħaq nies li jistgħu jirrelataw magħha u jagħmluha parti mill-esperjenzi tagħhom. Il-ħolma hija sempliċi: li toħloq kanzunetti li jħallu impatt u li, mill-ewwel nota, ikunu magħrufa bħala l-ħoss ta’ LASKARIS.
Għax forsi, meta nwaqqgħu l-maskri, niskopru li m’aħniex daqshekk differenti minn xulxin.

