Tuesday, October 6, 2026
Home Opinjoni Biex ir-resident jipparteċipa, il-Gvern Lokali jrid jibqa’ rilevanti (1)

Biex ir-resident jipparteċipa, il-Gvern Lokali jrid jibqa’ rilevanti (1)

Jikteb MARIO FAVA

0
29

Il-messaġġ huwa wieħed ċar: jekk irridu li r-residenti jkunu aktar attivi u parteċipattivi, irridu l-ewwel nassiguraw li l-istituzzjonijiet lokali tagħhom jibqgħu rilevanti għalihom.

Nitkellmu ħafna dwar parteċipazzjoni ċivika. Inħeġġu lir-residenti jattendu l-laqgħat, jieħdu sehem fil-konsultazzjonijiet, iressqu l-ideat tagħhom, jinvolvu ruħhom f’inizjattivi fil-komunità u jkunu aktar attivi fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan kollu huwa importanti. Iżda rridu nagħmlu mistoqsija fundamentali: għaliex resident għandu jinvolvi ruħu jekk l-istituzzjoni lokali li qed nitolbuh jipparteċipa fiha ma jkollhiex il-mezzi biex tindirizza ħafna mill-kwistjonijiet li jolqtuh fil-ħajja ta’ kuljum?

Il-parteċipazzjoni ma tinħoloqx sempliċement billi norganizzaw konsultazzjoni, laqgħa pubblika jew niftħu kanal ieħor ta’ komunikazzjoni. Il-parteċipazzjoni tinbena fuq ir-rilevanza, il-fiduċja u, fuq kollox, fuq il-konvinzjoni tar-resident li l-vuċi tiegħu tista’ twassal għal xi ħaġa konkreta.

Għalhekk, jekk irridu residenti aktar attivi, irridu Kunsilli Lokali u Reġjuni aktar rilevanti.

Ir-rilevanza ma tistax teżisti mingħajr il-kapaċità li taġixxi

Iżda hawnhekk irridu nkunu ċari wkoll. Ma nistgħux nitkellmu dwar Kunsilli aktar rilevanti filwaqt li kontinwament inżidu l-aspettattivi u r-responsabbiltajiet tagħhom mingħajr ma nagħtuhom il-kapaċità amministrattiva, finanzjarja u umana biex iwettquhom.

Matul is-snin il-Gvern Lokali żviluppa u l-aspettattivi tal-pubbliku żdiedu b’mod konsiderevoli. Illum ir-resident jistenna ħafna aktar mill-Kunsill tiegħu milli kien jistenna tletin sena ilu.

Jistenna servizz effiċjenti. Jistenna risposta immedjata. Jistenna informazzjoni aċċessibbli. Jistenna li l-Kunsill ikun attiv fl-ambjent, fit-traffiku, fil-mobilità, fl-indafa, fil-kultura, fl-inklużjoni soċjali, fil-ħarsien tal-ispazji pubbliċi, fil-ħidma maż-żgħażagħ u mal-anzjani, fil-benesseri tal-komunità u f’ħafna oqsma oħra.

Dawn huma aspettattivi leġittimi.

Iżda kull aspettattiva ġġib magħha responsabbiltà, u kull responsabbiltà trid tkun akkumpanjata mill-għodod biex titwettaq.

Ma jagħmilx sens li nagħtu funzjoni ġdida lil Kunsill mingħajr ma nistaqsu jekk għandux il-ħaddiema meħtieġa biex iwettaqha. Ma jagħmilx sens li nżidu r-responsabbiltajiet mingħajr ma naraw jekk il-finanzjament hux adegwat. Lanqas jagħmel sens li nitolbu għal standards ogħla ta’ servizz mingħajr ma ninvestu fit-taħriġ, fit-teknoloġija u fil-kapaċità amministrattiva.

Għalhekk, kull diskussjoni dwar aktar funzjonijiet għall-Gvern Lokali trid tkun marbuta ma’ diskussjoni daqstant serja dwar ir-riżorsi.

Responsabbiltà mingħajr riżorsi mhijiex devoluzzjoni vera. Tista’ tispiċċa sempliċement trasferiment ta’ problema minn livell għal ieħor.

It-tiġdid ma jistax ikun biss tibdil strutturali

Għalhekk it-tiġdid tal-Gvern Lokali ma jistax ikun biss tibdil strutturali.

Jekk ir-riforma tkun limitata għal tibdil fl-istrutturi, fil-konfini, fl-ismijiet, fil-kompożizzjoni jew fil-mod kif jiġu organizzati l-istituzzjonijiet, inkunu qed nitilfu l-opportunità li nagħmlu l-bidla vera li għandha bżonn is-sistema.

Il-mistoqsija m’għandhiex tkun biss: kif għandu jkun strutturat il-Gvern Lokali?

Il-mistoqsijiet aktar importanti huma: x’għandu jagħmel? X’għandu jkun kapaċi jiddeċiedi? Liema servizzi għandu jipprovdi? X’riżorsi għandu jkollu? Kif għandu jkun iffinanzjat? X’livell ta’ awtonomija għandu jkollu? Kif għandu jinżamm responsabbli? U fuq kollox, kif ser intejbu r-relazzjoni tiegħu mar-resident? U kif se nassiguraw li jkollna kandidati b’ aktar gharfien u kwalita’? Kif se nigbdu lil aktar nies validi biex jaghtu s-sehem taghhom fil-komminita fejn jghixu?

Għalhekk għandna bżonn diskussjoni usa’ dwar il-funzjonijiet tal-Kunsilli u r-Reġjuni, ir-riżorsi, il-finanzjament, il-kapaċità amministrattiva, il-kwalità tat-tmexxija, id-diġitalizzazzjoni u fuq kollox ir-relazzjoni bejn il-Kunsill u r-resident.

Dawn mhumiex temi separati. Huma partijiet mill-istess sistema.

Nibdew mill-funzjoni, mhux mill-istruttura

Il-punt tat-tluq għandu jkun il-funzjoni.

Għandna nistaqsu liema servizzi u deċiżjonijiet għandhom jitwettqu lokalment, liema għandhom jitwettqu fuq livell reġjonali u liema għandhom jibqgħu fuq livell nazzjonali.

Dan għandu jsir fuq kriterji oġġettivi: il-prossimità lejn ir-resident, l-effiċjenza, il-kapaċità, l-ekonomiji ta’ skala u l-kwalità tas-servizz.

Hemm funzjonijiet li jagħmel sens li jitwettqu kemm jista’ jkun qrib ir-resident. Hemm oħrajn li Kunsill individwali jista’ ma jkollux il-massa kritika, ir-riżorsi jew l-esperjenza teknika biex jamministrahom waħdu, iżda li jistgħu jitwettqu b’mod effettiv fuq livell reġjonali.

Hawnhekk ir-Reġjuni jistgħu jsiru ferm aktar minn saff amministrattiv ieħor.

Jistgħu jkunu l-livell li permezz tiegħu Kunsilli jaqsmu riżorsi, professjonisti, sistemi, data u għarfien tekniku. Jistgħu jgħinu biex Kunsilli żgħar ikollhom aċċess għal kompetenzi li waħedhom ma jkunux jistgħu jsostnu finanzjarjament.

Għalhekk għandna nimxu lejn mudell fejn il-funzjoni tiddetermina l-istruttura u mhux l-istruttura tiddetermina l-funzjoni.

Il-Kunsill għandu jkun l-ewwel istituzzjoni li fiha jemmen ir-resident

Il-Kunsill Lokali huwa l-istituzzjoni pubblika l-aktar qrib tar-resident.

Huwa hemmhekk fejn ħafna drabi r-resident imur l-ewwel meta jkollu problema fit-triq tiegħu, fl-ambjent ta’ madwaru, fl-indafa, fit-traffiku, fil-parkeġġ, fi spazju pubbliku jew f’xi servizz li jaffettwa direttament il-kwalità tal-ħajja tiegħu.

Iżda l-prossimità waħedha mhix biżżejjed.

Jekk resident imur għand il-Kunsill u ripetutament jingħadlu li l-materja mhix kompetenza tiegħu; li trid tittieħed deċiżjoni minn awtorità oħra; li l-Kunsill qed jistenna risposta mingħand dipartiment; jew li m’għandux il-finanzi jew is-setgħa biex jintervjeni, inevitabbilment jibda jistaqsi: għaliex għandi mmur għand il-Kunsill?

U aktar importanti minn hekk: għaliex għandi nipparteċipa?

Hawnhekk tinsab waħda mill-akbar sfidi tal-Gvern Lokali.

Mhux biżżejjed li l-Kunsill ikun qrib ir-resident ġeografikament. Irid ikun qrib tiegħu wkoll fid-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-ħajja tiegħu.

Kapaċità amministrattiva: il-bażi ta’ kull riforma

Ma nistgħux nitkellmu dwar devoluzzjoni mingħajr ma nitkellmu dwar il-kapaċità amministrattiva.

Illum l-amministrazzjoni pubblika saret aktar kumplessa. Hemm aktar obbligi regolatorji, aktar proċeduri ta’ procurement, aktar rekwiżiti finanzjarji, aktar standards ta’ governanza, aktar regolamenti dwar data, aktar opportunitajiet ta’ fondi Ewropej u aktar aspettattivi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ komunikazzjoni u trasparenza.

Għalhekk għandna nistaqsu jekk l-istrutturi amministrattivi tal-Kunsilli tagħna humiex qed jevolvu bl-istess ritmu. Jekk ahniex nattiraw nies ta’ kwalita u jekk in-nies hemm barra li qed ifittxu karriera, jarawx li karriera fil-Gvern Lokali tissodisfahhomx.

Għandna bżonn ninvestu aktar fil-professjonalizzazzjoni tal-Gvern Lokali, kemm dik amministrattiva u anki politika.

Dan ifisser taħriġ kontinwu għall-ħaddiema u għall-membri eletti. Ifisser strutturi ta’ karriera li jattiraw u jżommu nies kompetenti. Ifisser aktar speċjalizzazzjoni f’oqsma bħall-finanzi, il-procurement, il-ġestjoni tal-proġetti, il-fondi Ewropej, it-teknoloġija, l-ambjent u l-komunikazzjoni.

Ma nistgħux nippretendu istituzzjonijiet lokali tas-seklu wieħed u għoxrin bi strutturi amministrattivi li ma jkunux qed jingħataw il-possibbiltà li jevolvu. U din mhix problema ta’ issa. Hija problema li ilha ġejja s-snin.

Il-finanzjament irid isegwi l-funzjoni

Bl-istess mod, kull riforma trid tindirizza bis-serjetà l-finanzjament.

Jekk funzjoni tiġi trasferita lill-Gvern Lokali, magħha għandhom jiġu trasferiti r-riżorsi meħtieġa biex dik il-funzjoni titwettaq tajjeb.

Iżda hemm bżonn ukoll diskussjoni aktar wiesgħa dwar il-mod kif jiġu ffinanzjati l-Kunsilli.

Il-lokalitajiet mhumiex kollha l-istess.

Hemm lokalitajiet b’popolazzjoni residenti kbira, oħrajn b’popolazzjoni żgħira iżda b’eluf ta’ persuni li jidħlu fihom kuljum. Hemm lokalitajiet turistiċi, kummerċjali u industrijali. Hemm oħrajn b’territorju estensiv, infrastruttura partikolari jew pressjonijiet ambjentali differenti.

Għalhekk sistema moderna ta’ finanzjament trid tagħraf dawn ir-realtajiet. Din trid issir b’ konsultazzjoni wiesgha u ma msiehba kollha.

Il-finanzjament għandu jkun prevedibbli, ġust u marbut kemm mal-funzjonijiet kif ukoll mal-ħtiġijiet reali tal-komunità.

Tmexxija lokali ta’ kwalità

Ir-riżorsi waħedhom, iżda, mhumiex biżżejjed.

Għandna bżonn ukoll nitkellmu dwar il-kwalità tat-tmexxija.

Sindki u Kunsilliera llum qed jintalbu jmexxu organizzazzjonijiet, jamministraw baġits pubbliċi, jifhmu regolamenti, jieħdu deċiżjonijiet dwar proġetti, jikkomunikaw mal-pubbliku u jmexxu komunitajiet li qed isiru dejjem aktar diversi u kumplessi.

Għalhekk għandna ninvestu wkoll fil-membri eletti.

Taħriġ fil-leadership, governanza, finanzi, komunikazzjoni, etika, kunflitt ta’ interess, immaniġġjar ta’ proġetti u parteċipazzjoni pubblika għandu jsir parti integrali minn sistema moderna ta’ Gvern Lokali. Dan ilu jsir imma ghalih jattendu l-istess nies. Tali taħriġ għandu jkun obligatorju u ghandu jkun hemm numru ta’ modules li kunsillier, la darba elett, fi spazju u perjodu qasir ta’ żmien mid-data tal-elezzjoni, irid bilfors jagħmel dawn il-modules.

It-tmexxija lokali ma għandhiex titqies bħala verżjoni iżgħar tat-tmexxija nazzjonali. Għandha l-karatteristiċi u l-isfidi tagħha u għalhekk teħtieġ l-għodod tagħha.

Id-diġitalizzazzjoni għandha tressaq il-Kunsill lejn ir-resident

Hemm ukoll opportunità kbira fid-diġitalizzazzjoni.

Iżda d-diġitalizzazzjoni m’għandhiex tfisser sempliċement li formola tal-karti ssir document PDF online.

It-teknoloġija għandha tintuża biex nibdlu l-esperjenza tar-resident.

Resident għandu jkun jista’ jirrapporta problema, isegwiha u jkun jaf fejn waslet. Għandu jkun jista’ japplika għal servizz mingħajr ma jkollu għalfejn iżur diversi uffiċċji. Għandu jkun jista’ jara proġetti li qed jitwettqu fil-lokalità tiegħu, kif qed jintefqu l-fondi u meta proġett mistenni jitlesta.

L-istess teknoloġija tista’ tintuża għall-parteċipazzjoni: konsultazzjonijiet diġitali, votazzjonijiet fuq proġetti komunitarji, baġit parteċipattiv, stħarriġ u pjattaformi fejn ir-residenti jistgħu jipproponu ideat.

Iżda d-diġitalizzazzjoni trid tibqa’ inklużiva. Ma nistgħux noħolqu sistema li, filwaqt li tagħmel il-ħajja aktar faċli għal min huwa diġitalment litterat, teskludi lill-anzjani jew lil dawk li għandhom diffikultà jużaw it-teknoloġija.

It-teknoloġija għandha tiftaħ bibien ġodda, mhux tagħlaq dawk eżistenti.

Ma nistgħux nitolbu parteċipazzjoni mingħajr ma nagħtu skop lil dik il-parteċipazzjoni

Immaġinaw resident li jattendi konsultazzjoni dwar it-traffiku fil-lokalità tiegħu. Jiddedika l-ħin, jagħmel proposta u flimkien ma’ residenti oħra jintlaħaq qbil dwar soluzzjoni.

Imbagħad jgħaddu x-xhur u ma jiġri xejn għaliex id-deċiżjoni finali tiddependi minn entità oħra.

X’messaġġ inkunu qed nagħtuh?

Li jipparteċipa jew ma jipparteċipax ftit jagħmel differenza.

Dan huwa wieħed mill-aktar messaġġi perikolużi li tista’ twassal sistema demokratika liċ-ċittadin jew resident.

Il-parteċipazzjoni trid tkun marbuta mal-possibbiltà ta’ azzjoni.

Għalhekk hemm rabta diretta bejn l-awtonomija lokali u l-parteċipazzjoni tar-resident. Waħda ma tistax tissaħħaħ filwaqt li l-oħra tiddgħajjef.

Ikompli…

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here