Dawn l-aħħar xhur smajna ħafna kliem, analiżi u anke kritika mill-oppożizzjoni nazzjonalista dwar il-kwistjoni tad-dejn tal-pajjiż u l-fatt li dan żdied.
Id-dokument ta’ qabel il-budget jagħti stampa ċara ta’ fejn verament marru flus il-poplu u kif ħemel ta’ miżuri wasslu biex in-nefqa tal-Gvern żdiedet bil-qawwi u allura żdied l-istess dejn nazzjonali.
Huwa ċar li aktar minn nofs iż-żieda tad-dejn mill-2020 sal-lum hija attribwita għar-rispons tal-Gvern għall-pandemija u l-kriżi kbira u serja tal-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel u b’mod speċjali tal-enerġija.
Dan apparti spiża marbuta mar-ristrutturar tal-linja nazzjonali tal-ajru u tnaqqis storiku fit-taxxa tad-dħul għall-familji, mħabbar f’budgets sussegwenti.
Dan ifisser li ż-żieda fid-dejn hija marbuta ma’ azzjonijiet li ħa l-Gvern f’ċirkostanzi eċċezzjonali sabiex jipproteġi x-xogħol, id-dħul tal-familji, servizzi essenzjali u l-attività ekonomika minn xokkijiet esterni.
Imma ejja nagħtu ħarsa aktar fid-dettall lejn dak spjegat hawn.
L-effett tal-Covid-19 għadu magħna
L-effett tal-pandemija tal-Covid-19 għadu magħna mhux biss f’termini ta’ saħħa, għax il-Covid għadu magħna fil-forma ta’ influwenza komuni llum. Imma għadu magħna fl-effett li ħalla fuq il-finanzi tal-pajjiż.
Il-miżuri tal-Covid jammontaw għal kważi 24% taż-żieda fid-dejn. Mhux ftit – imma kwart taż-żieda.
In-nefqa totali tal-mizuri tal-Covid19 kienet ta’ €1.5 biljun, li minnhom €1.3 biljun ħarġu dirett mill-kaxxa ta’ Malta – jiġifieri dirett mit-taxxi tan-nies.
U fejn marru dawn il-miljuni kbar?
Primarjament marru fuq l-iskema tal-Wage Supplement – skema li permezz tagħha l-Gvern kien qed joħroġ ammont f’paga lil eluf ta’ ħaddiema u b’hekk jipproteġilhom l-impjieg. U dan għax eluf ta’ negozji spiċċaw bla xogħol, bla dħul u b’telf qawwi – u allura eluf kbar ta’ impjiegi setgħu jintilifu (Stmat li mal-50,000 impjieg setgħu jintilfu minħabba l-pandemija)
Imma mhux biss!
Miżuri oħra li kkontribwew għaż-żieda fl-ispiża tal-Gvern kienu r-Regeneration Vouchers. Biex infakkru, dawn kienu vouchers ta’ €100 li l-Gvern ħareġ, b’€60 li setgħu jintefqu f’restoranti, barijiet, lukandi jew ċentri tal-għadds filwaqt li €40 oħra setgħu jintefqu fi ħwienet retail, ħwienet tal-ħwejjeġ u gyms.
Dan ifisser li min kellu ħanut ingħata għajnuna doppja: Għajnuna fil-paga tal-impjegat u vouchers li ntefqu fil-ħwienet u l-istabbilimenti. B’hekk ħafna evitaw falliment!
Nefqiet oħra inkludew, għajnuna għal persuni u familji vulnerabbli, għajnuniet lill-għaqdiet volontarji u lill-media stampata u anke lid-djar tal-anzjani.
Dan apparti nefqiet f’vaċċini, tagħmir protettiv u l-ittesttjar tal-Covid-19.
Ġiet il-gwerra u beda jogħla kollox: Il-kriżi tal-enerġija u l-inflazzjoni
It-tieni raġuni għaż-żieda fid-dejn kienet l-għoli fil-prezzijiet tal-ikel, trasport u ż-żejt! Il-gwerra fl-Ukrajna kienet kontributur ewlieni għal dan – turija li dak li jiġri barra minn Malta jaffetwana.
B’kollox, fil-fatt, dawn ikkontribwixxew għal 30.5% taż-żieda fid-dejn.
B’kollox f’sitt snin, mill-2020 sal-2026 il-Gvern nefaq €1.9 biljun f’sussidji. Bl-ogħla nefqa tkun fl-2022 b’€446.5 miljuni għal stima ta’ €388 miljun din is-sena.
Kif tistgħu tinnotaw fi storja separata f’din il-ħarġa tat-Torċa dawn is-sussidji qed imorru biex jitnaqqas il-kont tiegħek, tal-familja tiegħek, tan-negozju tiegħek jew tal-fabbrika jew lukanda tiegħek.
Imma s-sussidji ma kinux l-unika nefqa marbuta ma’ inflazzjoni.
Il-Gvern ħabbar mekkaniżmu ta’ COLA estiża għal kważi 100,000 persuna u ħareġ assistenza lil dawk li jimportaw qmugħ u ċereali.
Minkejja li numru ta’ prezzijiet ta’ diversi prodotti baqgħu jogħlew, kif jixhed il-Pre-Budget Document il-Gvern ħareġ miljuni kbar biex kemm jista’ jkun jilqa’ għal dawn l-ispejjeż li mhumiex fil-kontroll tiegħu.
Il-Gvern ma għandux kontroll dirett fuq il-prezz tal-laħam, per eżempju jew tal-preserves jew tal-ħaxix u l-frott, imma jista’ joħloq inċentivi biex iż-żieda fil-prezzijiet ma tinħassx daqstant.
Biex l-linja nazzjonali tibqa’ ttir!
L-istorja tal-linja nazzjonali tal-ajru kienet ilha ġejja snin twal. Bejn deċiżjonijiet żbaljati ta’ xiri ta’ ajruplani, bejn sens ta’ intitolament minn ċerta sezzjoni u unjins li rreżistew kwalunkwe bidla u bejn il-miġja u s-suċċess f’Malta tal-linji tal-ajru low cost. Biżżejjed infakkru li bħalissa hija linja tal-arju low cost – Ryanair – li għandha l-maġġoranza tas-sehem tas-suq Malti tal-ivvjaġġar, kemm minn Malta u anke lejn Malta.
Dan kollu wassal biex kellha tittieħed azzjoni, li ġiet tiswa’ mhux ftit flus!
B’kollox il-fattur Air Malta/Km Malta Airlines kkontribwixxiet għal 10% fiż-żieda tad-dejn tal-pajjiż u tinkludi: Skemi ta’ rtirar kmieni, assistenza ta’ ristrutturar, trasferimenti kapitali u investimenti f’Government Equity.
Ekonomija reżiljenti – Fuq nett tal-lista tal-Unjoni Ewropea
Id-dokument ta’ qabel il-budget juri kif minkejja kull sfida l-ekonomija tal-pajjiż baqgħet b’saħħitha u baqgħet tespandi u tikber aktar minn kull pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea.
Xi darba kienu jgħidu li l-ekonomija Irlandiża kienet ‘it-tigra tal-ewropa’. Evidentement, Malta ħaditilha dan it-titlu!
Skont ċifri tal-Kummissjoni Ewropea għar-Rebbiegħa 2026 filwaqt li l-Irlanda illum tinsab f’qiegħ il-lista fi tkabbir ekonomiku reali, Malta tinsab fl-ewwel post. Filwaqt li l-ekonomija Irlandiża ċkienet b’aktar minn 1%, dik ta’ Malta kibret b’aktar minn 3%. Dak huwa l-miraklu ekonomiku li seħħ fil-pajjiż – u li kulħadd tant dara bih li hemm min jargumenta li saħansitra għandna nċekknu l-ekonomija!
Bejn Jannar u Marzu 2026 l-esportazzjoni żdiedet b’5% filwaqt li l-importazzjoni żdiedet b’0.6%.
In-nies f’impjieg żdiedu wkoll kemm fost impjegati irġiel (+2.7%) kif ukoll fost in-nisa (+2.3%).
Il-qgħad f’Malta baqa’ fost l-inqas fl-Unjoni Ewropea bi 3%, meta l-medja Ewropea hija d-doppju jew 6%.
Bejn Jannar u April 2026 it-turiżmu żdied b’16.5%.
L-inflazzjoni f’Malta mmoderat ukoll fl-aħħar 12-il xahar wara sena volatili. Ix-xejra ‘l isfel bdiet lejn l-aħħar tal-2025 u kompliet sakemm niżlet għal 2% f’Lulju 2026.
Dan ipoġġi kollox f’kuntest.
Minkejja dejn li żdied minħabba miżuri li ttieħdu biex jilqgħu għal realtajiet mhux ippjanati u jkun protett il-poplu u minkejja li dawn waslu biex jiżdied id-dejn, l-ekonomija Maltija baqgħet tiġġenera l-ġid, toħloq ix-xogħol u tiġri quddiem prattikament kull ekonomija ewropea oħra.

