“It-triq twittiha bi djalogu, bid-diplomazija madwar il-mejda tan-negozjati u mhux billi teskala l-konfront. Il-pass kuraġġuż li ħadna biex irrikonoxxejna l-Istat tal-Palestina kienet deċiżjoni kuraġġuża. Ċertament ma kinitx l-eħfef waħda li ħadna. Urejna li minkejja d-daqs ġeografiku tagħna b’mod konsistenti pajjiżna qed ikun dejjem protagonista fuq in-naħa t-tajba.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fi Stqarrija Ministerjali li għamel fil-Parlament fejn tkellem dwar l-impenji internazzjonali li kellu fil-jiem li għaddew fosthom bil-parteċipazzjoni tiegħu waqt it-80 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York kif ukoll fil-konferenza dwar il-kwistjoni tal-Palestina.
Dr Abela semma kif nhar it-22 ta’ Settembru li għadda, Malta rrikonoxxiet b’mod formali lill-Istat tal-Palestina. Qal li dan kien jum verament importanti għal pajjiżna u li dan il-pass għamluh ukoll 11-il pajjiż ieħor fosthom Franza, il-Kanada, ir-Renju Unit u l-Awstralja.
“Fl-intervent li għamilt dakinhar fi New York aċċennajt għall-kriżi umanitarja li għaddejja f’Gaża u għall-bżonn li tinstab soluzzjoni dejjiema għall-governanza tal-Palestina li tonora d-drittjiet u l-aspirazzjoni tal-poplu Palestinjan iżda li ma tinvolvix il-Ħamas.
“Sejjaħt għar-ritorn tal-ostaġġi li ttieħdu nhar is-7 t’Ottubru 2023. Kien ċar li l-Ħamas, il-grupp terroristiku responsabbli minn dawn l-attakki bla skrupli, issa jrid ikun eliminat minn kwalunkwe soluzzjoni futura”.
“Rajna dakinhar nies li spiċċaw mejta fi djarhom u waqt li kienu qed jiddevertu. Iżda mbagħad ma stajniex nibqgħu siekta quddiem dak li seħħ sussegwentement f’Gaża. Nisa, trabi, tfal, anzjani, nies innoċenti li nqatlu bl-aktar mod brutali. Rajna l-ġuħ jiġi soffert, nuqqas ta’ provvisti umanitarji,” kompla jgħid il-Prim Ministru.
Huwa tenna li l-istabbiltà hi ċ-ċavetta ta’ kull suċċess. “Għalhekk nemmnu li l-istabbiltà hi kruċjali kullimkien għaliex il-prosperità tal-popli kollha tista tasal biss bil-paċi, dik li bħala pajjiż nibqgħu nisħqu fuqha bħala s-soluzzjoni dejjiema għal din il-gwerra u fi gwerer oħra.”
Il-Prim Ministru enfasizza li Malta kienet sa mill-bidu nett konsistenti u fuq in-naħa tas-sewwa. “Konna l-iżgħar stat membru tal-UE imma konna konsistenti b’vuċi b’saħħitha. Ħassejtni kburi li kelli privileġġ li nirrikonxxu stat tal-Palestina. Għamilnieha għas-sewwa, għat-triq il-ġusta u għal poplu li tant bata tul is-snin u għadu jbati dik l-istess tbatija llum il-ġurnata. Għamiltha wkoll għax nemmen fit-triq tas-soluzzjoni taż-żewġ stati.”
Dr Abela fakkar ukoll li sa mill-bidu nett insistew fuq waqfien permanenti mill-ġlied. Saħaq li l-atroċitajiet iridu jieqfu darba għal dejjem hekk kif il-gwerer iridu jieqfu darba għal dejjem
“Xogħolna bħala pajjiż magħġun fin-newtralità u non allijentament fil-kostituzzjoni tagħna, li jibqa’ jservi bħala pont u mhux nimmanifatturaw l-armi,” qal il-Prim Ministru filwaqt li ddeskriva d-deċiżjoni li ttieħdet bħala waħda kruċjali li ssaħħaħ ir-rieda tal-poplu u kien dan il-Gvern li dix-xewqa tal-poplu wettaqha”
Matul il-parteċipazzjoni tiegħu fil-ftuħ tal-Assemblea Ġenerali, il-Prim Ministru indirizza wkoll b’mod ċar il-prijoritajiet internazzjonali ta’ pajjiżna u fl-intervent tiegħu saħaq li Malta kienet se tibqa’ taħdem lejn il-paċi dejjiema li tiggarantixxi s-sovranità tal-Ukrajna.
Il-Prim Ministru pparteċipa f’laqgħat u avvenimenti ta’ livell għoli li trattaw firxa wiesgħa ta’ temi globali fosthom il-ħtieġa li jiġu protetti t-tfal f’era diġitali.
Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, ġewwa d-Danimarka, il-Prim Ministru pparteċipa fis-Summit Informali tal-Kunsill Ewropew u sussegwentement fis-seba’ laqgħa tal-Komunità Politika Ewropea.
Fost it-temi li ġew diskussi kien hemm is-sitwazzjoni fl-Ukrajna u l-appoġġ li se tkompli tagħti l-Unjoni Ewropea fuq diversi binarji, is-sigurtà u d-difiża u anke t-tema tal-immigrazzjoni irregolari.