Saturday, October 26, 2024

“Urejniekom kif il-PN inbidel f’dawn l-aħħar sena u nofs”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt attività Politika mir-Rabat Għawdex il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Partit immexxi minnu kien l-ewwel li ħareġ bil-proposti. 

Huwa saħaq li l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista, sabiħa kemm hi sabiħa, tajba kemm hi tajba, ma tistax titwettaq jekk il-Partit Nazzjonalista ma jingħatax il-fiduċja tal-elettorat. Għalhekk huwa ħeġġeġ lill-elettorat biex is-Sibt li ġej joħroġ jivvota għax il-Partit Nazzjonalista f’dawn l-aħħar ħames ġimgħat wera kemm verament inbidel f’dawn is-sena u nofs immexxi minnu biex kompla jisma’ lin-nies.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal lil dawk quddiemu li l-Għawdxin se jkunu ħafna aħjar taħt gvern Nazzjonalista. Grech tkellem dwar il-bżonn li jitjieb is-settur tas-saħħa f’Għawdex u wiegħed li gvern Nazzjonalista se jkun qiegħed irodd lura l-Isptar lill-Għawdxin u jibni sptar ġdid b’400 sodda. 

Filwaqt li kompla jitkellem dwar aktar proposti għall-Għawdxin, Grech kompla biex jgħid “se nipprova ngħaġġel biex ma ntawwalx wisq għax tant għandna proposti”.

Tkellem fost l-oħrajn dwar l-aċċessibbiltà dwar iż-żewġ gżejjer u rrefera għall-vapur MV Nikolaos bħala “vapur Grieg li ħadd ma jieħu pjaċir jitla fuqu” u bħala “mbarazz li ġabulna tal-labour”. Dan filwaqt li spjega kif gvern Nazzjonalista ġdid se jkun qiegħed jintroduċi żewġ vapuri ġodda li jaqdu lill-poplu aħjar.

Mill-ġdid Grech saħaq li Gvern Nazzjonalista joħloq opportunitajiet ta’ xogħol għall-Għawdxin stess u jara li s-setturi ekonomiċi ġodda jikkreaw dawn l-opportunitajiet b’pagi tajbin u kundizzjonijiet mill-aqwa.

Sport