Valletta St Paul’s rebħu l-Joe Compagno Cup meta fil-finali li saret fil-grawnd ta’ Marsaxlokk huma għelbu liċ-champions Senglea Gunners bl-iskor ta’ 2-1.
Kienet logħba ferm bilanċjata li baqgħet inċerta sal-aħħar biż-żewġ naħat li kellhom imorru għall-ħin barrani.
Senglea Gunners kienu tim ferm mibdul mill-istaġun li għadda għalkemm xorta għandhom skwadra b’saħħitha li kapaċi tissielet għar-rebħ tal-kampjonat.
Min-naħa ta’ Valletta St Paul’s, huma baqgħu bl-istess elementi tal-istaġun li għadda għalkemm issaħħu bl-akkwisti ta’ Rafael Ledesma, Justin Grioli, Samuel Dickson u Hugo.
Kien ukoll ir-ritorn ta’ din il-kompetizzjoni wara nuqqas ta’ erba’ snin.
Valletta fetħu tajjeb u marru minn fuq wara biss żewġ minuti meta wara cross mix-xellug ta’ Gary Tanti, kien Rafael Ledesma li xeħet wara Jurgen Cilia.
Ir-risposta ta’ Senglea Gunners kienet pronta u fil-15-il minuta ġabu l-iskor indaqs hekk kif wara cross ta’ Sebastian Montano, kien Larbi El Kharkouri li għeleb lil Jianiro Camilleri.
It-tieni taqsima kienet waħda tattika biż-żewġ naħat li rari impenjaw lill-goalkeppers avversarji.
Bil-logħba li kellha tmur fil-ħin barrani, il-Beltin sabu l-gowl li tahom ir-rebħa.
Kienet azzjoni veloċi b’Felix Roberty li ta cross tajjeb li sab is-sostitut Kane Psaila li minn żewġ passi bogħod tefa’ ġewwa.
Fi tmiem il-konfront, il-viċi-president tal-MFA Ludovico Micallef ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Valletta St Paul’s Leandro Camilleri.
Referee kien Jean Pierre Mifsud.
Sadanittant, Marsa St Michael rebħu l-ewwel edizzjoni tat-Twanny Agius Fair Play Cup hekk kif spiċċaw l-ewwel quddiem Ħamrun Amateurs u Valletta Stars St Dominic.
Il-Marsin rebħu l-partita deċiżiva kontra Valletta Stars St Dominic b’gowl uniku ta’ Lamin Jaiteh filwaqt li spiċċaw fi draw ta’ 0-0 kontra Ħamrun Amateurs. Dawn tal-aħħar temmew fit-tieni post tal-klassifika wara draw ieħor ta’ mingħajr gowls kontra Valletta Stars.
Fi tmiem il-konfront, il-familja Agius ippreżentat it-tazza lill-captain ta’ Marsa St Michael Alan Borg.