Thursday, December 26, 2024

Varata l-ewwel edizzjoni tal-Malta Film Week

Aqra wkoll

Għall-ewwel darba f’pajjjiżna se tittella’ l-Malta Film Week. Din ser tkun ġimgħa ta’ attivitajiet intenzjonata biex iġġib flimkien produtturi, ħaddiema tal-industrija tal-films, kumpaniji privati kif ukoll awtoritajiet tal-gvern li fi spirtu ta’ diskussjoni jagħtu l-veduti tagħhom dwar x’għandha tkun it-triq ’il quddiem għal din l-industrija.

Il-programm imtella’ mill-Kummissjoni Maltija għall-Films ser jinkludi panel discussions, master classes kif ukoll screenings għal dawk kollha involuti f’dan is-settur.

Il-qofol ta’ din il-ġimgħa se jintlaħaq nhar is-Sibt 29 ta’ Jannar bl-ewwel edizzjoni tal-Malta Film Awards f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.

Dan ġie spjegat f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo, fil-preżenza tal-Kummissarju tal-Films Johann Grech.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li l-politika tad-diskussjoni għandha twassal biex inkomplu ntejbu l-ħiliet awdjoviżivi Maltin tant rispettati fid-dinja ċinematografika.

“Ftit tal-jiem ilu ħabbarna l-impatt ekonomiku pożittiv li ħalliet l-industrija tal-films fi żminijiet straordinarji, €68 miljun bejn Jannar u Diċembru tas-sena l-oħra u €98 miljun mill-bidu tal-pandemija sal-lum. Dawn ir-riżultati inkoraġġanti jitfgħu fuqna responsabilità akbar biex is-settur tal-films f’pajjiżna jkompli jkun wieħed sostenibbli u reżiljenti,” kompla jgħid il-Ministru Bartolo. Semma wkoll li l-akbar assi ta’ dan il-pajjiż dejjem kien ir-riżors uman, u l-industrija tal-films mhix eċċezzjoni.

Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li l-Malta Film Week se tkun opportunità biex fuq livell nazzjonali, nitkellmu flimkien dwar kif se nkomplu noħolqu l-opportunitajiet li jwasslu għal karrieri f’industrija tal-films sostenibbli.

“Irridu nisimgħu l-ambizzjonijiet ta’ dawk li jaħdmu f’din l-industrija u l-aspirazzjonijiet ta’ dawk li jixtiequ jidħlu f’din l-industrija. B’hekk biss nistgħu nkomplu nkabbru din l-istorja ta’ suċċess li qed niksbu flimkien,” ikkonkluda Johann Grech. 

Ekonomija

Sport