L-istaġun tal-lampuki beda ġmielu u bħal kull sena l-prezz ivarja skont il-qabda. Però, din is-sena, bħallikieku mhiex biżżejjed iż-żieda u l-konfużjoni fil-prezzijiet li hawn minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, il-prezz li bih qiegħed jinbigħ il-lampuki f’kull rokna ta’ Malta, issibu differenti. Fil-fatt il-prezz tal-lampuki bħalissa qiegħed ivarja bejn €5 u €16 il-kilo. Hawnhekk għandna sitwazzjoni fejn il-konsumaturi qiegħdin jingħataw l-istess piż bħala prodott iżda hemm min qiegħed Ibati piż ta’ aktar mit-tripplu fuq il-but tiegħu.
Bħala poplu li jgħix fuq gżira mdawra bil-baħar, il-ħuta hija parti “naturali” mill-palat tagħna u l-lampuka żgur li hija fuq quddiemnett tal-menu preferit ta’ ħafna Maltin. Kulħadd iħobb jiekol dik il-ħuta friska iżda bħalissa mhux kulħadd qiegħed iħallas l-istess prezz biex ipoġġiha fuq il-mejda tal-ikel.
Dan il-prodott lokali huwa mfittex ħafna u għal din is-sena mistenni li jkun hemm qbid tajjeb tiegħu. F’dan il-każ, normalment, il-prezz ma jkunx wieħed għoli. Kien għalhekk li, f’dawn il-ġranet tajna ħarsa lejn il-prezzijiet li bih qiegħed jinbiegħ il-lampuki għal kull kilo. Hawn sibna varjazzjoni esaġerata minħabba li l-prezz tal-lampuki jibda bil-€5 fosthom fil-Ħamrun u f’xi lokalitajiet dan jibqa’ tiela’ sa €16 għal kull kilo. Dan isarraf għal aktar minn tliet darbiet iżjed bħala prezz. F’suq ħieles li bih m’hemm ebda kontroll tal-prezzijiet, il-lampuki f’San Ġwann fejn il-Knisja kienu qegħdin jinbiegħu bi €8.50 il-kilo, mentri f’B’Kara bis-€6.50 u f’postijiet oħra kienu bit-€8, bid-€9 u bl-€10 il-kilo.
Mill-ħwienet tal-ħut, il-prezzijiet ta’ kilo lampuki ivarjaw ukoll fejn wieħed isibhom bil-€5 meta jkunu żgħar, mentri ħanut fin-Nofsinhar ta’ Malta jneħħihom bis-€7 il-kilo mentri fit-Tramuntana l-prezz tal-lampuki f’ħanut partikolari jinbiegħ €9.50.
Fir-rigward ma naqsux il-kummenti fuq il-mijda soċjali fejn kien hemm min innota li, “meta wieħed iħares lejn il-prezzijiet, jara kemm is-suq mhuwiex ikkontrollat u dan għax min xtara mod u min xtara mod ieħor”. Fost persuni li esprimew l-opinjoni tagħhom rigward il-prezz tal-lampuki din is-sena, kien hemm min qal li huwa aħjar li l-prezz huwa baxx ‘ħalli forsi nduquhom għax ġieli lanqas xtrajt daqs kemm baqgħu għoljin’.