F’għeluq is-sena mill-qtil taż-żagħżugħa Torka, Pelin Kaya, bosta familjari, kollegi u ħbieb tagħha, ilbieraħ inġabru fl-istess post fejn sar l-inċident, sabiex ifakkru l-memorja tagħha.
Matul l-istess velja, f’diskors sentimentali, oħt Pelin Kaya irringrazzjat lil dawk kollha li kienu preżenti, għaliex permezz tas-sapport tagħhom, familtha ma kinitx qegħda tgħaddi minn dan il-vjaġġ weħidhom.
Hi kompliet tgħid li l-unika ħaġa li tista’ tgħinhom bħalissa hi l-ġustizzja u sostniet f’isem il-familja li huma għandhom fiduċja sħiħa li se ssir ġustizzja.
Attenda ukoll l-Ambaxxatur tat-Turkija f’Malta, li min naħa tiegħu saħaq kemm kien hemm stejjer sbieħ dwar Pelin, u kemm kellha qalba tajba. Hu wkoll iringrazzja lil poplu Malti kollu tas-sapport tagħhom.
Għal din il-velja, kien hemm ukoll il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, is-sindku tal-Gżira Conrad Borg Manche u l-President tal-Parlmanet Ewropew Roberta Metsola.
Pelin Kaya tilfet ħajjitha fit-18 ta’ Jannar tal-2023, wara li ttajret minn karozza li saqet għal fuqha. B’rabta ma’ dan il-każ, Jeremie Camilleri ta’ 33 sena, qed jiġi mixli bil-qtil tagħha.
Fl-aħħar seduta tal-kumpilazzjoni kontra Camilleri, ingħad li l-karozza tat-tip BMW li tajret lil Pelin Kaya waqt li kienet miexja fil-Gżira f’Jannar tal-2023, kienet qed tinstaq b’veloċità ta’ 75 kilometru fis-siegħa u s-sewwieq ma kienx uża l-brejkijiet.