Thursday, August 14, 2025

‘Verament nixtieq li bħala pajjiż nagħmlu t-tennis aktar aċċessibbli għat-tfal u nispera li aktar tfal jibdew jilagħbu dan l-isport tant sabiħ’ – Alex Degabriele

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l imhabba tieghek lejn it-tennis?

Bdejt nilgħab it-tennis minn etá żgħira ħafna. Nista’ ngħid li kważi bdejt b’kumbinnazzjoni għax jien m’għandi l-ħadd fil-familja li jilħgħab it-tennis, u li kien għal missieri kont nilgħab il-futbol. Infatti sa kemm kelli 12-il sena kont nilgħab kemm it-tennis kif ukoll il-futbol. Tista’ tgħid li wara li qbadt ir-racket għall-ewwel darba kont naf li dan huwa l-isport li kont se nibqa’ nilgħab. Issa ili nilgħab 15-il sena madwar id-dinja u grazzi għat-tennis kelli ċans li nikkompeti kontra ħafna plejers kwotati f’etajiet differenti. Żgur li se nibqa’ niftakar tournament speċjali meta fil-Kampjonati Ewropej ġewwa r-Repubblika Ċeka kien hemm plejers bħal Alcaraz u Rune.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq l-esperjenza li kellek riċentement f’Monastir fit-Tuneżija?

Qattajt tliet ġimgħat nilgħab tournaments professjonali tal-ITF 15K f’Monastir. Tlift kontra plejer Franċiż jismu Romain Gales li jilgħab fl-Università ta’ Clemson fl-ewwel rawnd tal-Main Draw 6-7 7-6 6-7 f’logħba maratona ta’ 3 sigħat u 24 minuta. Kienet telfa iebsa imma kienet warm-up tajba għall-ġimgħa ta’ wara meta rbaħt il-logħba ta’ kwalifikazzjoni tal-ewwel rawnd tiegħi 6-1 6-1 kontra plejer Tuneżin. Fir-rawnd ta’ wara tlift kontra Yassine Smiej tal-Marokk 4-6 2-6. B’hekk ikkonkludejt it-tournaments tiegħi fit-Tuneżija.

Dan filwaqt li proprju ġimagħtejn ilu ħadt sehem fil-‘World University Games’ fil-Ġermanja. Agħtina iktar dettalji.

Hekk hu! Fil-fatt, kont onorat li rrapreżentajt lil pajjiżi u l-Università tiegħi (UNCW) fil-‘World University Games’ f’Rhine-Ruhr, il-Ġermanja, ġimagħtejn ilu.

Jien ġejt nominat bħala l-‘flag bearer’ tal-kontinġent Malti, li kien unur kbir għalija, u kont kburi ħafna meta mxejt bil-bandiera Maltija fuq il-palk quddiem 35,000 spetattur fiċ-Ċerimonja tal-Ftuħ. Ħadt ‘bye’ fir-rawnd ta’ 128 u lgħabt kontra plejer miċ-Chinese Taipei fir-rawnd ta’ 64.

Kienet transizzjoni mgħaġġla minn ‘hard court’ għal ‘hard clay’, iżda ppreparajt ruħi tajjeb u kont lest għall-logħba. Irbaħt dak ir-rawnd 6-3, 4-6, 7-6 wara li kont 5-1 minn taħt fit-tielet set. Dik ir-rebħa wasslitni biex nilgħab kontra l-ewwel żerriegħa tat-turnew minn Hong Kong, Coleman Wong, ikklassifikat fil-126 post ATP fid-dinja.

Kienet esperjenza mill-aqwa li nilgħab fuq centre court quddiem 600 ruħ kontra avversarju ta’ kalibru daqshekk għoli. Il-logħba kienet ikkontestata sew fil-parti l-kbira, iżda ma rnexxilhiex bi skor ta’ 3-6, 2-6. Dak ikun it-tmiem ta’ avveniment tal-għaġeb b’aktar minn 8500 atleta u 150 pajjiż jilagħbu 18-il sport differenti.

Dan filwaqt li iktar qabel irrapreżentjat lil pajjiżna fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra. Agħtina iktar dettalji.

Kienet esperjenza mill-aqwa għalija li nilgħab f’Logħob daqshekk importnati kontra avversarji ta’ livell għoli ħafna. Għamilt xi miri kbar qabel il-logħob biex nilgħab għal midalja u nirbaħ xi logħbiet mill-aqwa u ninsab kuntent li ksibt dan. Li nerġa’ lura d-dar bil-midalja tal-bronż fis-singles fid-debutt tiegħi hija sensazzjoni speċjali.

Kelli logħba tas-semifinali miġġielda kontra r-rebbieħ tat-turnew li bħalissa jinsab fl-aqwa 200 fid-dinja. Il-livell li nħoss li wrejt din il-ġimgħa huwa tajjeb biżżejjed biex nagħmel qabżiet kbar dan is-sajf u biex nitla’ fil-klassifika tal-ATP.

Kienet ġimgħa mill-aqwa mat-tim u ninsab kburi li qed inġibu lura ħafna midalji għal Malta kemm fl-avvenimenti tan-nisa kif ukoll tal-irġiel.

X’suċċessi maġġuri oħra ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f dan l-isport li tant tħobb?

It-tennis huwa sport diffiċli ħafna biex tipprattika. Xi kultant anke biex tirbaħ logħba waħda huwa diffiċli. Madankollu, kelli xi suċċessi tul iż-żmien li ili nilgħab. Dan l-aħħar ġewwa l-Istati Uniti, it-tim tal-College tiegħi l-UNCW, erġajna rbaħna il-Conference tac-CAA. Dan kien it-tielet suċċess f’dan il-Conference konsekuttiv. Fuq livell personali, ir-rebħa tal-ITF PRO fid-doubles is-sajf li għadda huwa bla-dubju l-aqwa riżultat s’issa. Ma nistax man-semmiex ukoll il-promozzjoni li Malta kellha fid-Davis Cup is-sena l-oħra hekk kif Liam Delicata u jien irbaħna l-logħbiet rispettivi tagħna. Din kienet t-tieni promozzjoni fi tliet snin għal pajjiżna.

Kif tqis il-livell tat-tennis f’Malta fil-preżent?

Huwa difficli li nagħmel dan il-ġudizzju għax għal aktar minn kwazi għaxar  xhur fis-sena ma nkunx hawn Malta. Kollox jindika peró li l-moviment tennistiku qiegħed jitjieb. Issa hemm żewġ plejers li kwazi qed jilagħbu professjonalment, qed nirreferi għal Liam Delicata u jien, u jidher ċar li hemm anke ż-żagħżugh Evan Galea li qed jitħarreġ ġewwa Spanja. Hemm bżonn li aktar plejers jieħdu dan l-isport b’mod professjonali biex ikompli jitjieb il-livell.

U dak tar riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

F’dawn l-aħħar snin il-Federazzjoni Maltija tat-Tennis qed tagħmel minn kollox biex ikun hawn f’Malta ċ-Ċentru tat-Tennis. Dan il-proġett huwa essenzjali biex il-plejers ikunu jistgħu jitħarrġu b’mod adekwat. Importanti ukoll li mhux biss ikollna l-infrasstrutura  iżda wkoll coaching staff ta’ livell. Idealment ikun hemm ukoll aktar tfal li jilagħbu f’livell għoli.

Kif qed tħares lejn il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2025 f’Andorra?

Dawn il-logħbiet huma importanti sa ċertu punt u jiffirmaw parti minn kalendarju tas-sajf li fih ukoll numru ta’ kompettizjonijiet oħra fosthom, id-Davis Cup, l-aktar tournament importanti fuq livell nazzjonali, il-University Games, u wkoll numru ta’ kompetizzjonijiet tal-ITF Pro fuq livell personali. Il-GSSE 2025 jiftaħ l-istaġun tas-sajf u nispera li Malta jkollha riżultati pożittivi bħalma kellna fl-2023.

U lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport?

Wara s-sajf nerġa’ mmur l-Istati Uniti biex nispiċċa l-programm tat-tennis u studju fi ħdan il-UNCW. L-għan ewlieni jkun li nerġaw nirbħu c-CAA Conference. Qed naħdem ukoll biex intejjeb ir-ranking ġewwa l-Istati Uniti kemm fis-singles kif ukoll fid-doubles. Ma nafx eżatt il-programm wara li nispiċċa iżda cert li se nkompli naħdem biex intejjeb ir-ranking mondjali biex inkun nista nieħu sehem f’tournaments professjonali. Nixtieq nirringrazzja li-MEYR tal-għajnuna tagħhom waqt li qiegħed l-Istati Uniti, kif ukoll lill-Kumitat Olimpiki Malti (KOM) tal-għajnuna kollha matul is-sena. L-aħħar ringrazzjament imur lill-MTPF li jsegwu l-plejers anke meta ma nkunux Malta.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika t-tennis.

Verament nixtieq li bħala pajjiż nagħmlu t-tennis aktar aċċessibbli għat-tfal, u nispera li aktar tfal jibdew jilagħbu dan l-isport tant sabiħ. Is-saħħa ta’ kull sport qiegħed fin-numri u hija tassew ħasra li għad m’hemmx biżżejjed numri biex joħorġu biżżejjed plejers li jilagħbu fuq livelli professjonali. F’Malta għandna l-klima u r-riżorsi ideali sabiex dan l-isport jimraħ, iżda għal xi raġuni xorta għadna nbatu biex inħajru aktar tfal biex jibdew jipprattikaw dan l-isport sabiħ.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport