Sunday, December 22, 2024

Villabianca jirnexxilha tlaqqa’ aktar minn 120 persuna b’diżabilitá mal-mużika u l-arti f’inqas minn sena

Aqra wkoll

“Mhux biss nieħu gost niġi Villabianca, iżda nħobbha. Nixtieq ngħix f’Villabianca.” Dan kien wieħed mill-kummenti pożittivi li tfal li jagħmlu użu mis-servizzi taċ-ċentru tal-mużika u l-arti “Il Marchese di Villabianca” għaddew lill-ġenituri tagħhom. 

Villabianca hu wieħed mill-proġetti mmexxija minn The Malta Trust Foundation, li fetaħ il-bibien tiegħu f’Novembru tal-2021. F’inqas minn sena, dan il-proġett qiegħed jopera fil-kapaċitá sħiħa tiegħu u jipprovdi servizzi lil 120 tfal u żgħażagħ mit-Tnejn sas-Sibt. 

Madankollu, wieħed irid isemmi li hemm 104 applikanti oħra li s’issa qegħdin ikollhom jistennew fuq lista ta’ stennija, peress li dan iċ-ċentru jopera diġá fil-kapaċitá sħiħa tiegħu, kemm fl-ispazju u anke fir-riżorsa umana li jistgħu joffru dawn is-sessjonijiet għat-tfal. 

Dan iċ-ċentru qed iservi bħala post ta’ opportunitá għal tfal u żgħażagħ b’diżabilitá, li qabel ma kellhom ebda mod kif setgħu jesprimu t-talenti tagħhom fil-mużika u l-arti. Villabianca hu l-uniku ċentru li joffri dawn is-servizzi f’Malta. 

Bħalma taħdem The Malta Trust Foundation, dan iċ-ċentru jiddependi kompletament fuq il-ġenerożitá tal-imsieħba u ta’ sponsors li jinvestu fih. Filwaqt li fi ftit taż-żmien diġá saru kisbiet kbar b’dan iċ-ċentru, min-naħa l-oħra qed jidher ċar li bir-riżorsa umana u l-ispazju li hemm disponibbli bħalissa, mhux biżżejjed biex tintleħaq id-domanda li qiegħda dejjem tiżdied. 

Għaldaqstant, il-Fondazzjoni qiegħda tesplora ideat differenti ta’ kif tista’ testendi dan il-proġett biex ħadd minn dawn it-tfal ma jitħalla barra. Barra minn hekk, qed isir ħafna xogħol mal-Universitá ta’ West England biex Villabianca tkun tista’ tibda tħarreġ lil professjonisti ħalli jipprovdu l-metodolaġija speċjalizza għat-taħriġ mużikali għal dawn it-tfal u żgħażagħ speċjali – xi ħaġa li sal-lum kien għad hawn biss xi persuna jew tnejn li jipprovduha f’Malta. 

Intant, minn stħarriġ li sar minn Villabianca, jirriżulta li l-maġġoranza kbira tal-ġenituri li wieġbu għal dan l-istħarriġ raw effett pożittiv fuq il-kreattivitá u l-komunikazzjoni ta’ wliedhom, kif ukoll apprezzament akbar għall-mużika. Mhux biss intwera sodisfazzjon kbir għal dak li qiegħda tagħmel Villabianca, iżda anke intweriet ix-xewqa li jiġu rakkomandati s-servizzi tagħha lil ħaddieħor. 

Kull min jixtieq isir jaf aktar dwar il-proġett Villabianca, jista’ jidħol fuq il-website ta’ The Malta Trust Foundation – http://www.maltatrustfoundation.org biex jikseb aktar informazzjoni dwar dan il-proġett u anke dwar il-proġetti l-oħra li taħdem fuqhom il-Fondazzjoni. 

Ekonomija

Sport