Il-Koħħu jallega li xi ħadd qallu li se jdaħħlu l-velenu l-ħabs u jitfgħuh fl-ikel tiegħu
Vince Muscat – il-Koħħu li għat-tieni jum qiegħed jixhed fil-ġuri dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia xehed li xi ħadd kien qallu li se jdaħħlu valenu fil-ħabs u jitfgħuh fl-ikel tiegħu. Qal li kien iġib ikel mingħand tal-familja u qal ukoll li kien hemm wieħed li kien jaqsam ikel miegħu għax ma kellux ikel u kien jinkiweta. Jgħid li l-ikel tal-ħabs ma kienx tajjeb u għalhekk kien jiekol minn tal-familja.
Jixhed li darba kien fl-uffiċju ta’ Keith Arnuad wara li l-Avukat Arthur Azzopardi qallu biex imorru hemm. Jixhed li kif poġġa fl-uffiċju bdew jitkellmu l-avukati u l-pulizija, u Arthur Azzopardi qalu biex idawwar il-verżjoni, li jgħid gidba fuq Melvin Theuma. Ix-xhud jgħid li riedu jigdeb.
Il-Koħħu jkompli jixhed li jiftakar li darba kien qed ħdejn l-Ispettur Arnuad u semma Yorgen Fenech. Jixher li lill-ispettur qallu “Spettur dan is-sinjur se taslu għalih… se tressquh peress li ta’ Fenech?”
Il-Koħħu jkompli jixhed li Arnaud sabbat idu u qallu “mis-sema ‘l isfel kulħadd jista’ jitressaq”
Aktar kmieni: Saret diskussjoni liema splussiv jintuża biex Daphne tinqatel żgur
Hekk kif illum kompliet ix-xhied ta’ Vince Muscat “Il-Koħħu” l-prosekuzzjoni staqsiet dwar il-qawwa tal-bomba. Il-Koħħu jgħid li kien hemm diskussjoni dwar x’tip ta’ bomba kellha tintuża. Xehed li kien hemm min qal li kellha tintuża l-ġelatina u kien hemm minn kellu opinjonijiet oħrajn.
Qal li l-bomba ma setgħetx tkun bħal dik ta’ Romeo Bone liema każ kien seħħ fl-Imsida “biex tagħmel iktar ħsara, biex jeħilsu minnha żgur, dan dejjem li smajt jien”.
Hawn, l-Imħallef issaqsi lix-xhud min kien qal hekk fejn il-Koħħu qal li wieħed kien sema lil wieħed mill-aħwa Degorgio jgħid hekk lil Jamie Vella.
Ix-xhud ifakkar li intuża flixkun tal-pitrolju biex il-bomba tkun b’saħħtiha. Jgħid li l-bomba integħet mal-ġenb biex ma tidhirx u tagħmel iktar ħsara.
L-imħallef staqsiet ukoll lix-xhud min kien qed jgħaddi l-informazzjoni.
“Alfred Degergio qal li Chris Cardona kien qed iġib l-informazzjoni minn Silvio Valletta,” ikompli jixhed il-Koħħu. Jixhed li Silvio Valletta ikkomunika ma’ Chris Cardona permezz ta’ persuna oħra li ma jiftakarx x’jismu.
Aktar kmieni: Il-qattiel ikkundannat Vince Muscat mistenni jkompli bit-testimonju tiegħu dalgħodu, wara li s-seduta tat-Tnejn semgħet ir-rakkont dettaljat tiegħu dwar l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-11-il jum tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech kien dominat mit-testimonjanza tal-qattiel ikkundannat li sar xhud tal-prosekuzzjoni, Vince Muscat (“il-Koħħu”), li ta lill-ġurati rakkont dettaljat dwar l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa allegat li pjan preċedenti fl-2015 biex tinqatled il-ġurnalista kien ġie kkummissjonat mill-eks ministru Chris Cardona għall-prezz ta’ €150,000, iżda dan il-pjan kien ġie abbandunat wara li d-depożitu imwiegħed ta’ €50,000 ma wasal qatt. Skont Muscat, il-pjan tal-assassinju reġa’ qamet fl-2017 wara li Melvin Theuma avviċina lill-aħwa Degiorgio, fej qablu fuq ħlas ta’ €150,000 u rċieva depożitu ta’ €30,000.
Muscat iddeskriva xhur sħaħ ta’ sorveljanza fuq Caruana Galizia, inkluż l-osservazzjoni ta’ darha u r-rutina tagħha ta’ kuljum, kif ipprattikaw biex jiftħu vettura identika għal tagħha, u l-preparazzjoni tal-apparat splussiv li ntuża biex sar l-attakk. Huwa qal lill-ġurati li l-bomba tpoġġiet taħt il-karozza tagħha l-lejl ta’ qabel id-delitt u ġiet sploduta mill-bogħod hekk kif hija saqet ‘il bogħod minn darha fil-Bidnija fis-16 ta’ Ottubru 2017.
Muscat xehed ukoll dwar il-ħlasijiet li skont hu saru wara l-assassinju, u dwar l-allegat twissija minn qabel li rċevew il-qattiela dwar ir-rejds imminenti tal-pulizija. Huwa sostna li Alfred Degiorgio kien qallu li Chris Cardona kien qed jipprovdi informazzjoni dwar l-investigazzjoni.
Aktar kmieni fil-jum, l-espert tal-IT maħtur mill-qorti Martin Bajada kkonkluda t-testimonjanza tiegħu, fejn ikkonferma li Keith Schembri u Chris Cardona ssemmew mijiet ta’ drabi fl-emails li ġew rkuprati mill-kontijiet ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa xehed ukoll li, għalkemm teknikament kien ikun possibbli li tiġi rkuprata data mill-mowbajl allegatament mitluf ta’ Schembri, l-investigaturi qatt ma talbu li jsir eżami bħal dan.
L-akkużi kontra Yorgen Fenech
Fenech jinsab akkużat li kien il-moħħ wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, li ffinanzja d-delitt b’ €150,000 u li ħeġġeġ lill-qattiela biex jaġixxu malajr. Fenech qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini, Anthony Vella u Danika Vella, flimkien mal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra. Yorgen Fenech qed jiġi rrappreżentat mill-avukati Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran. L-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi qed jidhru f’isem il-familja Caruana Galizia (parte civile).
Il-ġuri qed jitmexxa mill-Imħallef Madam Justice Edwina Grima.

