Sunday, October 27, 2024

VisitMalta ssir destinazzjoni uffiċjali tal-EOLO-Kometa Cycling Team

Aqra wkoll

VisitMalta ssir destinazzjoni uffiċjali tal-EOLO-Kometa Cycling Team. Dan il-ftehim se jara r-reklamar ta’ VisitMalta preżenti fuq il-kits tat-tiġrijiet u l-vetturi tat-tim waqt wieħed mill-aktar avvenimenti sportivi segwiti fid-dinja taċ-ċikliżmu, il-Giro D’Italia.

Skont studju riċenti li sar minn Road Cycling TV Viewing Report, l-aħħar Giro d’Italia ġġenera udjenza medja ta’ 6,780,150 telespettatur għal kull stadju f’175 pajjiż differenti madwar id-dinja.

Permezz ta’ din l-alleanza, il-gżejjer Maltin se jibbenefikaw minn promozzjoni televiżiva u diġitali li ser issaħħaħ il-pożizzjoni tal-pajjiż bħala destinazzjoni ideali għad-dilettanti taċ-ċikliżmu.

Permezz ta’ dan il-ftehim, EOLO-Kometa Cycling Team matul is-snin li ġejjin se jkunu qed iżuru pajjiżna biex jesperjenzaw personalment il-gżejjer Maltin bħala ċiklisti professjonali kif ukoll viżitaturi. Apparti minn hekk, ser jiġu sfruttati opportunitajiet biex ċiklisti żgħażagħ Maltin u Għawdxin jingħaqdu għal taħriġ mal-EOLO-Kometa Youth Team skont l-età u l-ħila tagħhom.

Dawn id-dettalji ġew spjegati waqt l-iffirmar ta’ dan il-ftehim ippresedut mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo flimkien maċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia u mal-Maniġer Ġenerali tal-EOLO-Kometa Cycling Team Fran Contador.

Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li dan it-tragward storiku, li huwa l-ewwel wieħed għal pajjiż Ewropew, se jiġġenera riżultati eċċellenti f’termini ta’ wasliet turistiċi kif ukoll jaċċerta l-istatura ta’ Malta bħala destinazzjoni ta’ għażla naturali.

“Din is-sħubija bejn EOLO-Kometa u VisitMalta hija prova tanġibbli tal-isforzi tagħna biex nisfruttaw segmenti turistiċi emerġenti u li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari t-turiżmu sportiv. L-investiment f’din in-niċċa turistika se jkompli jassigura li l-prodott tagħna jikber fil-kwalità u fil-versatilità,” tenna l-Ministru Bartolo.

“Dan huwa pass ieħor ’il quddiem fl-istrateġija tagħna għall-għaxar snin li ġejjin għas-settur turistiku, fejn qed ninvestu kontinwament fit-titjib tal-kwalità ġenerali tal-prodott turistiku tagħna, permezz ta’ approċċ b’diversi aspetti. Parti minn dan huwa l-enfasi li qegħdin inpoġġu fuq id-diversi niċeċ li jiffurmaw is-settur turistiku tal-gżejjer Maltin,” kompla jgħid iċ-Ċermen Gavin Gulia.

“Ninsabu sodisfatti b’dan il-ftehim ma’ VisitMalta, b’mod partikolari li nkunu hawn magħhom fil-bidu ta’ tiġrija daqshekk importanti f’post speċjali għalina bħall-Ungerija. VisitMalta hija impenjata li tippromwovi ċ-ċikliżmu, b’mod partikolari l-proġett EOLO Kometa u l-Fondazzjoni Alberto Contador sabiex jippromwovu s-sbuħija ta’ pajjiżhom. M’għandniex dubju li flimkien magħna se jkunu jistgħu jilħqu l-għanijiet li fasslu huma stess biex jippromwovu lil pajjiżhom. Il-gżejjer Maltin huma territorju eċċezzjonali għaċ-ċikliżmu u permezz ta’ dan il-ftehim nittamaw li nħeġġu ħafna ċiklisti jiskopru l-ġeografija tal-pajjiż,” sostna Fran Contador, il-Maniġer Ġenerali tal-EOLO-Kometa.

“Għan ieħor ta’ dan il-ftehim, li huwa parti mill-proġett tal-Fondazzjoni Alberto Contador, huwa li jippromwovi ċ-ċikliżmu bħala mezz ta’ trasport u stil ta’ ħajja aktar sportiva f’Malta. Irridu nagħtu wkoll opportunitajiet lill-atleti żgħażagħ Maltin li jridu jsiru ċiklisti biex ikollhom mod ta’ taħriġ u tkabbir,” temm jgħid Fran Contador.

Sport