Vittmi ta’ frodi bankarja jirrakkontaw kif tilfu eluf ta’ ewro wara telefonati mingħand persuna li taparsi kienet mill-bank

Aqra wkoll

Kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi kontra Tammy Caruana, li qed tiffaċċja akkużi ta’ frodi u serq fil-konfront ta’ diversi persuni, b’żewġ allegati vittmi jirrakkontaw fil-Qorti kif tilfu eluf ta’ ewro mill-kontijiet bankarji tagħhom. Il-kawża qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco.

Wieħed mill-vittmi xehed li dakinhar li tilef €5,000 mill-kont bankarju tiegħu, kien irċieva messaġġ minn numru li kien jixbah ħafna lil dawk użati mill-banek.Il-messaġġ kien iwissih li kellu jieħu azzjoni biex jipproteġi l-flus fil-kont tiegħu.
Huwa spjega li wara rċieva wkoll telefonata mingħand persuna li allegatament kienet l-akkużata, li ppreżentat ruħha bħala rappreżentanta tal-bank.

Skont ix-xhud, il-mara qaltlu li xi ħadd li kien qed juża iPhone 15 Pro Max kien qed jipprova jwettaq frodi fil-konfront tiegħu u li kienet se tibgħatlu messaġġ b’ħolqa biex jipproteġi l-kont. Hija allegatament talbitu wkoll il-password tiegħu.
Ix-xhud qal li wara li segwa l-istruzzjonijiet u għafas il-ħolqa li rċieva, wasallu messaġġ mill-Bank of Valletta li kien sar trasferiment ta’ €2,600 mill-kont tiegħu. Kien f’dak il-mument li nduna li kien safa vittma ta’ frodi.

Huwa qal li pprova jimblokka l-kont, iżda ma rnexxilux. Għaldaqstant ċempel lill-fergħa tal-BOV f’Tal-Ibraġġ, is-Swieqi, biex jitlob l-għajnuna. Madankollu, waqt li kien għadu fuq it-telefon mal-bank, irċieva messaġġ ieħor li jinfurmah li kienu nħarġu €2,400 oħra mill-kont tiegħu. B’hekk, f’temp qasir, tilef total ta’ €5,000.

Ix-xhud spjega li eventwalment mar personalment il-bank u rnexxielu jimblokka l-kont, iżda l-flus ma ġewx irkuprati.
Huwa sostna li l-bank kien infurmah li ma setax jgħinu, u qal li kien biss madwar għaxart ijiem qabel is-seduta li l-Pulizija kkuntattjawh biex jixhed.

Żied li kien ressaq rapport fl-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan. “Ġejt fix-xejn” – vittma oħra tirrakkonta kif sab il-kont tat-tfaddil vojt. Vittma oħra rrakkontat kif spiċċat f’diffikultajiet finanzjarji wara li allegatament ġiet iffrodati eluf ta’ ewro. “Ġejt fix-xejn. Kienu għadhom jiżżewġu t-tfal u tajthom il-flus li kelli. Li kieku ma kinitx taħdem il-mara, ma kontx se nkampa,” qal ix-xhud.

Huwa spjega li fil-21 ta’ Novembru 2024, waqt li kien qed isuq, irċieva telefonata minn numru li deher li kien tal-Bank of Valletta. Qal li jiftakar id-data preċiża għaliex kienet ġurnata marbuta ma’ għeluq snin. Skont ix-xhud, il-mara li ċemplitlu indirizzatu b’kunjomu u qaltlu li kien hemm ċaqliq suspettuż fil-kontijiet tiegħu, filwaqt li offrietlu l-għajnuna.

Huwa emmen li kienet tassew qed iċċempel mill-bank u aċċetta l-għajnuna tagħha. Il-mara qaltlu li kienet se terġa’ ċċempillu l-għada, u hekk għamlet. Waqt it-tieni telefonata, ix-xhud qal li taha informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji tiegħu, inklużi passwords, u segwa l-istruzzjonijiet tagħha biex jagħfas fuq diversi ħoloq u jagħmel xi azzjonijiet fuq l-applikazzjoni tal-BOV.

Fi tmiem it-telefonata, il-mara assiguratu li l-flus tiegħu kienu siguri. Madankollu, l-għada, meta ħareġ ma’ martu, kull darba li pprova jħallas għal xi xirja, il-ħlas ġie rrifjutat. Meta ċċekkja l-kont tat-tfaddil tiegħu, sab li ma kien fadal ebda flus fih. Ix-xhud qal li kien tilef madwar €2,750 u li fil-kontijiet kien għad fadal biss ammont żgħir.

Huwa spjega li mar fil-fergħa tal-BOV f’Birkirkara u sussegwentement ressaq rapport lill-Pulizija. Qal ukoll li l-bank kien infurmah li t-tranżazzjonijiet ma setgħux jitreġġgħu lura. Fix-xhieda tiegħu semma wkoll li aktar tard irċieva €1,500 mingħand il-bank. Il-kumpilazzjoni tal-provi kontra Caruana għadha għaddejja.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport