Sunday, November 3, 2024

Vittmi ta’ narċisiżmu jistgħu jaslu għal ħsibijiet suwiċida

JUM L-OMM B’DIFFERENZA…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Żewġ ommijiet qasmu l-esperjenzi trawmatiċi tagħhom minħabba relazzjoni ma’ narċisist fejn esprimew dwejjaq u disprament liema bħalu. Ħajjithom inqalbet ta’ taħt fuq wara li waqgħet il-“maskra” tan-narċisist u spiċċaw vittmi ta’ gideb sfaċċat, manipulazzjoni assoluta, tgħajjir degradanti u abbuż. Komportament egoist ikkawżat mid-diżordni tan-naċisiżmu li farrak kompletament dik ir-relazzjoni li suppost kienet waħda ta’ mħabba f’ambjent ta’ familja serena. Ir-realtà għal dawn il-vittmi… dawn l-ommijiet… hija ferm ‘il bogħod minnhekk.

Is-sitwazzjoni tal-vittmi ta’ narċisist hija waħda li għandha tittieħed bis-serjetà għax, kif inhuwa kkonfermat mil-psikjatra u l-Kap tal-Crisis Resolution Malta, Dott. Mark Xeureb, il-kriżi serja li jistgħu jidħlu fiha minħabba t-tbatija kbira li jgħaddu minnha, tista’ tkun ta’ theddida għal ħajjithom. Dan minħabba li, xi drabi, jidħlu anke ħsibijiet suwiċida.

Talk.mt llum se tagħti spazju għal dawk l-ommijiet li mhumiex daqshekk iffortunati, anzi huma sfortunati biżżejjed li ltaqgħu ma’ sieħeb li jagħmlilhom ħajjithom infern bejn l-erba’ ħitan tad-dar għax huwa narċisist. 

L-istejjer tat-tbatija tagħhom u d-diffikultajiet kbar li jsibu biex joħorġu minn relazzjoni tant abbużiva li tkissirhom, huma tal-biki. Tal-biki wkoll huwa l-fatt li l-maġġorparti tas-soċjetà, tal-professjonisti li jmissu mal-familji u anke l-qrati, ma jagħtux daqstant piż, jittieħdu passi u jqajjmu għarfien biex dan it-tip ta’ abbuż diżuman ikun indirizzat. Persuna vittma ta’ abbuż minn narċissit tbati minn ħsara psikoloġika serja fit-tul li mhux biss twassal għal deterjorazzjoni mentali, iżda eventwalment anke dik fiżika.

“M’intix persuna diffiċli biex tkun maħbuba. M’għandek xejn ħażin fik jew inti qansa. Mhuwiex se jinbidel. Osserva l-imġieba tiegħu mhux meta theddu li se titilqu għax hemm jinbidel. Hekk mhuwiex se jieħu għajnuna professjonali din is-sitwazzoni fuqkom se tkompli u ħadd m’għandu dritt li jġiegħlek tħossok b’dan il-mod. Jekk tħobb lill-persuna żbaljata immaġina kemm se tkun kapaċi tħobb aktar u aħjar lill-persuna t-tajba”. 

Dan huwa l-messaġġ li għaddiet omm ta’ tarbija ta’ ftit xhur, vittma ta’ abbuż kontinwu mis-sieħeb narċist tagħha. Hija bħalissa tinsab fil-proċess li ġemma’ biżżejjed flus biex “taħrab” mir-relazzjoni abbużiva li tinsab fiha bħalissa taħt l-istess saqaf  ma’ narċisist. Madwar sena u sena u nofs oħra għandha l-mira li ġġemma’ biżżejjed flus ħalli “din it-trama tispiċċa, jew almenu, l-agħar parti tagħha”. Din il-mara bħalissa tħoss li mhiex ta’ periklu fiżiku serju, għalkemm dan l-aħħar bdew jiġuha dubji anke dwar dan.

“Għajjiena u mkissra kompletament…”

L-omm vittma ta’ narċisist qalet li minħabba l-abbuż li qiegħda ssofri, hija qiegħda tħossha l-ħin kollu għajjiena u tinsab mkissra kompletament. Aktar milli tieħu l-ħajja ġurnata b’ġurnata, din il-mara stqarret li qiegħda tipprova tgħix siegħa b’siegħa. “Inħossni mdejjqa u xi drabi aktar imdejqa. Ma nistax nispjega dak li nħoss iżda li huwa żgur, huwa li filgħodu ma niflaħx inqum mis-sodda u matul il-lejl lanqas jirnexxieli nagħlaq għajn m’għajn,” kompliet tirrakkonta din l-omm.

Matul il-ġurnata hija tipprova tkun pożittiva u żżomm tbissimha fuq wiċċha iżda tinsisti li l-abbuż mentali minn narċisit huwa verament iebes. Tispjega kif, “jaqbduni attakki ta’ paniku, għandi problemi ta’ stima personali u ħafna drabi m’għandix il-kapaċità mentali li nissapporti dak li jagħmilli. Huwa raġel tant ħażin li nixtieq li ħadd ma jkun miegħu”.

Din il-mara f’dan il-jum tant speċjali ta’ Jum l-Omm għandha din l-isfida kbira quddiemha. Qiegħda tipprova bl-aħjar mod possibbli li tgħix u tkompli b’ħajjitha billi tieħu ħsieb tagħha nnfisha u anke tat-tarbija tagħha. Hija stqarret li minħabba din ir-relazzjoni tħossha li tilfet anke l-identità tagħha. Id-diffikultajiet kbar li għandha minħabba l-abbuż verbali u psikoloġiku kontinwu minn dan in-narċisit qiegħed iwassalha f’sitwazzjonijiet estremi ta’ tbatija emozzjonali kbira.

Minħabba l-għejja mentali li qiegħda tħoss frott tal-abbuż minn missier it-tarbija tagħha u r-raġel li suppost iħobbha, din il-mara m’għandha ebda ħeġġa jew saħħa li tipprova terġa’ tqum fuq saqajha. Tħossha mkissra kompletament u ma tafx kif se ġġib lura lil dik il-persuna li kienet qabel ma bdiet relazzjoni ma’ dan in-narċisist. 

Hija temmen li f’sitwazzjonijiet bħal dawn l-aħjar ħaġa li vittma tista’ tagħmel huwa li tħares is-sigurtà tagħha u li tistenna l-mument opportun biex tagħmel pass deċisiv ħalli toħroġ qawwija u sħiħa minn relazzjoni kerha bħal din. Din il-mara tat il-parir lill-ommijiet u dawk kollha li dawk kollha li jinsabu f’relazzjoni ma’ narċisist/a, huwa importanti li jifhmu u jemmnu li l-problema mhiex huma u li mhuwiex it-tort tagħhom li qegħdin fis-sitwazzjoni li qegħdin. 

“Ma kellhiex idea li jeżistu dawn it-tip ta’ nies demoniċi”

Omm oħra b’kuraġġ, iżda bi tbatija kbira, irnexxielha toħroġ minn żwieġ li kellha ma’ narċisist. Hija tkellmet ma’ dan il-ġurnal fejn qaltilna li l-agħar esperjenza ta’ ħajjitha hija proprju dik li għaddiet u għadha għaddejja minnu minħabba l-eks raġel tagħha. 

“Qabel ma għaddejt minnha, ma kellhiex idea li jeżistu dawn it-tip ta’ nies demoniċi. Nies li juruk mod u fil-verità jkunu mod ieħor. Dak li bl-Ingliż jgħidulu the wolf under the sheep skin. Litteralment jilbsu maskra. Huma żewġ persuni different b’personalità u mġieba kompletament opposti. Kissirni għax qatt ma mmaġinajt il-kattiverja msammra f’rasi l-ħin kollu b’kull mod orribbli li kien jitrattani bih. Illum li ili s-snin li ħlist mill-jasar tiegħu għandi qiegħda nirkupra imma nirringrazzja lill-ħanin Alla li qabadni minn xagħari u salvani minnu,” spjegat din it-tieni omm.

Hija qalet li fil-bidu tar-relazzjoni l-eks raġel tagħha kien il-persuna ideali għaliha iżda dan maż-żmien beda juri l-personalità proprja tiegħu. “Maż-żmien beda jitrattani vera ħażin. Jgħajjarni, ma jagħtix kasi, juri wiċċ lil nisa oħra u jigdeb. L-agħar għalija kien meta tant kont mgħerrqa bis-sitwazzjoni li rrealizzajt li kont vittma ta’ persuna b’personalità naċisista. Ħaġa li jien qatt ma smajt biha sakemm għextha. Ngħidlek li lanqas l-akbar għadu tiegħek ma tridu li jidħol f’sitwazzjoni bħal din. Għadni ħajja u mentalment normali għax tlaqtu. Jekk kont nibqa’ taħt is-saqaf miegħu, għandi dubji kbar kemm kieku illum qiegħda hawn,” sqarret bid-dmugħ f’għajnejha din l-omm. 

Din il-vittma ta’ narċisist għandha tfal minn dan iż-żwieġ u semmiet kif mhuwiex daqstant faċli li tgħaddi minn proċeduri fil-qorti jew timxi bl-għajnuna ta’ professjonisti minħabba li din it-tip ta’ diżordni fil-personalità hija moħbija sew u t-tattika tan-narċisisti hija li jagħmluha dejjem tal-vittmi. Ħafna drabi dawn jiġu emmnuti fil-gideb sfaċċat tagħhom, gideb li mingħajr esaġerazzjoni, jemmnu huma stess u għalhekk ħafna drabi jkunu kredibbli għall-aħħar f’għajnejn ħaddieħor.

Min-naħa tagħha din l-omm sostniet li l-periklu minn narċisist huwa kbir u serju għall-aħħar. Hija temmen li lokalment, fil-verità, huma biss il-persuni vittmi tan-narċisiżmu li jafu l-kruha ħarxa ta’ sitwazzjoni bħal din u tittama li bl-intervent tagħha u ta’ esperjenzi oħra, jiżdied l-għarfien u tingħata l-għajnuna tant meħtieġa lill-vittmi.

NOTA: Id-diżordni fil-personalità tan-narċisiżmu tista’ taffettwa lil kulħadd u hemm tip pożittiv, mentri ieħor distruttiv. Dan tal-aħħar qiegħed jaffettwa lil dawn l-ommijiet. F’pubblikazzjoni oħra, din id-darba fuq L-ORIZZONT, Dott. Mark Xuereb se jidħol aktar fid-dettal tas-suġġett.

Aqra iktar: “It-tbatija li jgħaddu minnha l-vittmi hija ħafna u ħafna kbira”

Sport