Saturday, May 18, 2024

“It-tbatija li jgħaddu minnha l-vittmi hija ħafna u ħafna kbira”

- Il-psikjatra u Kap tal-Crisis Resolution Malta, Mark Xuereb

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-psikjatra u Kap tal-Crisis Resolution, Mark Xuereb, ta’ spiss jara tbatija fil-familji minħabba li membru jkollu d-diżordni fil-personalità tan-narċisiżmu. “In-nies li jkunu vittmi ta’ narċisist ikollhom stima baxxa, jidħlulhom ħsibijiet suwiċida, ibatu minn dipressjoni u saħansitra jaħsbu li huwa dnub li jieħdu ħsieb tagħhom infushom. Dan kollu għax ikunu brain washed (jikkonvinċihom) min-narċisist li huwa l-aktar persuna importanti fil-familja”. 

Dr Mark Xuereb

Dott Xuereb qal li min jgħix jew jaħdem ma’ persuna li għandha d-diżordni tal-personalità tan-narċisiżmu (Narcissistic Personality Disorder) jista’ jbati immens u din is-sofferenza tista’ tinfirex fuq diversi aspetti. Dawn jinkludu fost l-oħrajn infedeltà; problemi ta’ flus u ċ-ċaħda tagħhom; u ma jkunx hemm komunikazzjoni. Din tal-aħħar twassal għal relazzjoni superfiċjali. “Jekk hemm koppja u parti waħda tħoss li hija l-aktar importanti u hija ċ-ċentru tal-univers, ma jkunx hemm dik l-atmosfera li fiha wieħed jista’ jikber iktar u jtejjeb ir-relazzjoni tiegħu. Ir-relazzjoni għandha tkun reċiproka fejn ikun hemm spazju biex iż-żewġ partijiet jikbru kemm bħala individwi, kif ukoll bħala koppja,” spjega l-psikjatra.

Huwa qal li jekk ma jkunx hemm komunikazzjoni u ma jkunx hemm sinċerità, mentri minflokhom ikun hemm manipulazzjoni, qerq u gideb, “wieħed jista’ jissoponi x’jiġri u dan mhux biss fil-kamp tal-infedeltà imma anke f’ċirkostanzi ta’ wirt, flus fil-bank u l-użu tat-tfal bħala pedini emozzjonali fejn il-bżonnijiet tagħhom ikunu mwarrba min-narċisista”. 

Il-psikjatra b’esperjenza vasta f’dan il-kamp qal li f’ċirkostanzi bħal dawn, l-ewwel post dejjem u qabel kollox jiġu l-bżonnijiet tal-persuna narċisista, aġir li huwa totalment inaċċettabbli. “Mhux hekk biss, dawn in-nies b’din it-tip ta’ diżordni, iġiegħluk tħossok ħatja jekk ma tonorax jew ma tagħmilx dak li jistennew mingħandek. Meta jiġri hekk, dawn jagħmlu xenata sħiħa fejn b’rabja jistaqsu għala m’intix tagħmel dak li jridu huma u għala m’intix tieħu ħsiebhom.” Spjega kif jidħol dak magħruf bħala l-guilt complex fejn vittma kważi kważi tħossha li għamlet xi ħaġa ħażina għax “mhiex tadura lin-naċisist”. 

L-ewwel jien, it-tieni jien, it-tielet jien u possibbilment ir-raba’ jien!

Hawhnhekk Dott. Xuereb tkellem dwar l-impatt negattiv fuq il-familja ta’ naċisist fejn litteralment ikun hemm persuna li tispikka u kollox idur madwarha. L-eżempji li ta huma dawk ta’ ħarġiet f’ristoranti fejn in-naċisist jinsisti li jmorru dejjem fejn irid imur huwa; jieklu biss l-ikel li jħobb huwa; jagħmlu l-attivitajiet soċjali li jieħu gost bihom huwa; is-safar li jrid huwa u l-għażla tal-films dejjem tkun dik li jrid jara huwa. 

“Dan kollu jsir a skapitu tal-familjari u dan iwassal biex ma jkunx hemm tkabbir għal kulħadd. Ikun hemm persuna li qiegħda tikber iżda fl-istess ħin l-oħrajn litteralment ikunu qegħdin imutu. Psikoloġikament dan kollu jista’ jikkawża ħafna u ħafna tbatija. Minħabba li dawn in-nies ukoll, ikunu dejjem iridu jkunu l-ewwel u l-aqwa, jistgħu jabbużaw minn sustanzi fosthom bl-alkoħol u droga, jagħmluha ma’ nies kalibru biex isiru importanti fis-soċjetà, jonfqu u jidħlu f’ċertu spejjeż li ma jifilħux għalihom u dan għal darb’oħra a skapitu tal-familja. In-narċisisti jixtru ċertu affarijiet biex jagħtu dik l-impressjoni li kollox tajjeb, però fil-verità l-familjari jkunu qegħdin ibatu,” qal imħasseb il-psikjatra.

Huwa qal li l-ħsara u t-tbatija minn narċisist tinħass mhux biss mis-sieħeb jew sieħba bħal fil-każ ta’ dawn iż-żewġ ommijiet, iżda anke fuq it-tfal. “Dawn l-ulied ikollhom vojt fihom b’konsegwenza li jiżdied ir-riskju ta’ dipressjoni, self harm u suwiċidju. L-istima personali tagħhom tant tkun baxxa li jaqbdu jew ma’ vizzju jew ma’ kumpanija oħra li jaħsbu li jista’ jagħtihom kunfidenza fihom infushom. Irridu noqogħdu attenti għax dawn it-tfal iridu l-imħabba u wens biex jimlew dak il-vojt li għandhom,” temm Dott. Mark Xuereb. 

Il-vittmi ta’ persuna bid-diżordi fil-personalità tan-narċisiżmu jgħaddu minn tbatija liema bħalha tant li jista’ jkollhom ħsibijiet suwiċida minħabba kriżi serja. Għaldaqstant, dawn għandhom bżonn għajnuna kbira. Kull min jinsab fi kriżi jew jaf lil xi ħadd bi ħsibijiet suwiċida jista’ jċempel 24/7 fuq 9933 9966 jew jidħol fil-paġna tal-Facebook Crisis Resolution Malta, jew inkella juża l-KriżiApp. 

Aqra iktar: Vittmi ta’ narċisiżmu jistgħu jaslu għal ħsibijiet suwiċida

Sport