Wednesday, April 23, 2025

VIŻJONI

Aqra wkoll

Kollox sew: tajjeb li jkollna viżjoni dwar il-futur tal-pajjiż u tajjeb ukoll li din tissawwar f’kuntrast u f’paragun ma’ kif pajjiżi oħra qed joperaw biex jifformulaw u jilħqu l-viżjoni tagħhom.

Biss nibqa’ nemmen ukoll li xi forma ta’ stima dwar x’se jkun meħtieġ bħala riżorsi umani u finanzjarji hemm bżonnha f’eżerċizzju bħal dan. X’se jkunu l-mezzi meħtieġa biex il-viżjoni titwettaq? Kif u minn fejn se jinġabu?

Dan jieħu relevanza akbar fil-qafas ta’ x’intqal dan l-aħħar dwar l-introduzzjoni ta’ mezz ta’ trasport ta’ massa – il-metro – f’Malta. Il-binja tiegħu tkun teħtieġ finanzjament enormi. L-Unjoni Ewropea ma tipprovdix finanzi għal proġett bħal dan u allura diffiċli biex isir. Ir-raġuni hi li l-proġett m’għandux karattru Ewropew imma wieħed nazzjonali. L-istess japplika għal ħafna mill-affarijiet li nistgħu u għandna “noħolmu” bihom bħala pajjiż fil-viżjoni tagħna għall-futur.

KREDIBILITÀ

Diplomatiku barrani f’Malta darba qalli xi ħaġa li ħassejtha tistona. Għall-potenzi l-kbar tad-dinja – għas-Superpotenzi – il-mod kif joperaw biex iħarsu l-interessi tagħhom bilfors ikun differenti minn tal-pajjiżi iżgħar minnhom. Jekk jagħtu l-iċken sinjal ta’ dgħufija, ikollhom iħallsu prezz sproporzjonat għalih. L-istati l-oħrajn iridu jkunu konxji minn dil-ħaġa f’kif jirreaġixxu għall-azzjonijiet tas-superpotenzi.

Għall-bidu dil-perspettiva darrsitni. Toqgħod taħseb dwarha, tinduna li hemm ċerta loġika warajha. Superpotenza trid turi li hi superpotenza f’li tagħmel biex tikkonferma l-kredibilità u l-interessi tagħha.

Biss għal kollox hemm il-limiti. Jiġri x’jiġri, ċerti regoli ta’ imġiba bejn l-istati jridu jiġu rispettati. Naħseb li bħalissa, l-amministrazzjoni Trump fl-Istati Uniti tinsab riesqa lejn dawn il-limiti. Fil-mod kif qed tittratta stati oħra u timxi billi thedded aktar milli billi tinnegozja, riesqa lejn qagħda fejn la se tkun rispettata u lanqas kredibbli, anke jekk tibqa’ bil-qawwa kollha ta’ superpotenza.

IL-GŻIRA TA’ MANWEL

Il-kampanja li qed issir biex Manoel Island fil-Gżira ma tingħatax għall-bini ta’ appartamenti ta’ lussu imma tiġi trasformata fi park publiku jixirqilha appoġġ. Li dil-gżira ssir parti mill-binja ta’ Tigne ma jagħmilx sens aktar. 

Minkejja kull ma jintqal, il-kumpless f’Tigne kien diżastru monumentali anke jekk kummerċjalment ħalla l-flus warajh. Biżżejjed tmur taħt il-katidral Anglikan fil-Belt u tħares lejn in-naħa l-oħra tal-qala biex tifhem għaliex.

Bħala wieħed li kont imdaħħal f’parti min-negozjati biex il-kumpless jitwaqqaf (dak iż-żmien jien kont favurih) naf kemm ħafna mill-prospetti li tpoġġew fuqu kienu żbaljati. Sa fejn niftakar, ħafna mill-impennji publiċi li kellhom jiddaħħlu miegħu (bħal titjib fis-sistemi ta’ drenaġġ fl-inħawi tas-Sliema), baqgħu ma twettqux. Ikun żball jekk Manoel Island titħalla ssir Tigne oħra.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport