Friday, November 15, 2024

Viżjoni biex Malta tkun leader fil-Mediterran

Aqra wkoll

Dwar iż-żjara li l-Prim Ministru Robert Abela kellu mal-Prim Ministru Taljan Meloni ftit tal-jiem ilu, Robert Abela semma kif din il-laqgħa kienet importanti ħafna li kompliet turi kif ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi huma b’saħħithom ħafna.

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, dalgħodu kien intervista fuq One Radio.

Settur importanti li ġie diskuss f’din il-laqgħa kien l-enerġija.

“Meta nitkellmu dwar l-enerġija, il-poplu Malti u Għawdxi kien l-uniku wieħed b’serħan il-moħħ ta’ gvern li ggarantilu stabbiltà fil-prezzijiet. Prezzijiet li splodew madwar id-dinja, u l-azzjoni li ħadna garantixxiet li xhur wara li faqqgħet il-gwerra, kienet li nibqgħu nżommu prezzijiet. Bla dubju. Il-viżjoni tagħna li l-Mediterran ikun leader fis-settur tal-enerġija u li Malta tkun leader fil-mediterran hi waħda importanti ferm. U għalhekk din kienet fuq nett tal-aġenda ta’ din il-laqgħa bejn żewġ pajjiżi mediterranji li għandna tant affinita ma’ xulxin u interessi komuni. Fejn irridu li l-Mediterran ikun ċentru tal-enerġija ndifa. Ukoll din parti mit-tranżizzjoni ekonomika tagħna,” saħaq Robert Abela.

Il-Prim Ministru sostna wkoll kif pajjiżna huwa kommess li jkun fuq quddiem nett biex ir-reġjun Mediterranju jsir hub ta’ enerġija nadifa fil-viżjoni ta’ Ewropa dekorbanizzata u indipendenti fl-enerġija.

Dan jgħaqqad ukoll mal-viżjoni li dejjem kellna ta’ pajjiż, pont bejn l-Afrika u l-Unjoni Ewropea. Potenzjal ta’ kurituri ta’ enerġija nadifa li jistgħu jgħaqqdu lill-Ewropa mal-potenzjal ta’ enerġija rinovabbli fil-pajjiżi ġirien fl-Afrika ta’ Fuq.

Suġġett ieħor importanti li ġie diskuss f’din il-laqgħa huwa l-immigrazzjoni. Iż-żewġ Mexxejja qablu li t-traffikar tal-bnedmin jitfa’ pressjoni fuq iż-żewġ pajjiżi, anke għall-pajjiż kbir bħall-Italja aħseb u ara għal Malta.

Il-Prim Ministru semma kif sa din il-ġimgħa stess, segwejna katastrofi fil-Mediterran fejn mijiet ta’ nies li kienu rekbin fuq bastiment spiċċaw mitlufa fil-baħar viċin il-Greċja.

“Mijiet ta’ nies mitlufa jew persuna waħda mejta – għalina katastrofi li għandu jiġi evitat b’kull mezz possibbli. U aħna għalhekk nħaddmu politika konsistenti ħafna. Anke hawn naħdmu bi strateġija ċara. Minn meta sirt Prim Ministru ħdimna fuq il-prevenzjoni tal-wasliet. Dan ma ghamilniehx biex inkunu nistgħu ngħidu li Malta ma għadx għandha emerġenza kkawżata mill-immigrazzjoni rregolari, iżda ghax din l-istrategija tibqa’ l-aktar arma b’saħħitha kontra l-kriminali li jittraffikaw il-bnedmin.”

Robert Abela fiehem ukoll kif din is-sitwazzjoni, ilha urġenti u ma kienx hemm bżonn imutu mijiet ta’ nies sabiex nifhmu li filwaqt li għandna ninsistu li kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jagħmel il-parti tiegħu, hemm bżonn li jingħataw l-għodod u l-inċentivi meħtieġa sabiex pajjiżi bħal-Libja jkunu f’pożizzjoni li jissieħbu huma wkoll fil-ġlieda kontra l-kriminalita li qed torganizza dawn il-vjaġġi.

Fl-aħħar l-Unjoni Ewropea qed taghraf dan ukoll – ma ghadniex wahedna nħambqu fuq dan – però issa hemm bżonn li bil-fatti nwettqu miżuri – flimkien mal-pajjizi fl-Afrika ta’ fuq – li verament ibiddlu l-status quo tal-mewt li segwejna fil-Mediterran għal dawn l-aħħar għoxrin sena.

Il-Prim Ministru temm b’messaġġ ċar ta’ ħidma ta’ Gvern bi pjan li mbagħad tħalli r-riżultati.

“Dan hu gvern li għandu strateġija ċara ta’ kif imexxi dan il-pajjiż ‘il quddiem. B’kuntrast ma’ oppożizzjoni li ma tafx fejn qiegħed magħha. Li dejjem tirkeb fuq sentiment ta’ mument, iżda tiġi ‘l quddiem b’affarijiet mhux studjati, u lanqas biss tkun ħarset lejn il-konsegwenzi tagħhom. Il-gvern fuq in-naħa l-oħra, għandu pjan ċar. Strateġija ċara li fuqha se jkompli jmexxi l-pajjiż ‘il quddiem.”

Ekonomija

Sport