Monday, December 9, 2024

VIŻJONI LI TWITTI T-TRIQ GĦAS-SNIN LI ĠEJJIN 

Aqra wkoll

L-ekonomija Maltija qed tikber b’mod li ppermettiet li jibda l-proċess li se jwassal għat-tnedija tal-viżjoni tal-Gvern għall-25 sena li ġejjin. Dan ma jfissirx li tul is-snin sal-2050 pajjiżna mhux se jaffaċċja sfidi. Altru minn hekk. 

L-isfida tal-immaniġġjar tat-traffiku hija waħda mill-aktar pertinenti li żgur m’għandhiex soluzzjoni waħda. Imma tal-inqas anke jekk għal żmien immedjat, il-problema jidher li bdiet tiġi indirizzata. Fuq kollox, kif ilna ngħidu, is-soluzzjonijiet ma jkunux tanġibbli jekk ma jkunx hemm il-koperazzjoni ta’ kulħadd, entitajiet, ministeri u pubbliku inġenerali. 

Biex l-ekonomija tkompli fil-qagħda reżiljenti tagħha teħtieġ appoġġ u ċertezza u l-Gvern għad għandu disponibbli riżorsi biex jibqa’ jagħmel dan hekk kif il-paragun bejn id-dejn u l-Prodott Gross Domestiku qiegħed kulma jmur jiċkien. Mhux l-inqas l-iżbilanċ bejn id-dħul u l-ħruġ tal-Gvern li minn 4.0% din is-sena, se jinżel għal 3.5% is-sena d-dieħla. Dan ukoll b’konformità ma’ dak li jitolbu r-regoli tal-Unjoni Ewropea. 

Anke fir-rigward tad-dejn nazzjonali, bħala proporzjon mill-Prodott Gross Domestiku, mistenni jkun ta’ 50.1% għas-sena d-dieħla, li huwa 10 punti perċentwali taħt is-60% stabbilit mir-regoli Ewropej. 

Huwa għalhekk importanti li t-tkabbir ekonomiku ma jkunx biss f’ċifri u statistika imma jservi biex permezz tiegħu, tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin. 

Għalhekk hija deċiżjoni f’lokha li l-Kabinett se jiddiskuti l-Labour Migration Policy fil-kwistjoni tal-ħaddiema barranin li minn ftit snin ilu ‘l hawn kienet waħda mir-realtajiet li fuqha kienu mħassba ħafna nies. Din hija l-ewwel policy tax-xorta tagħha hija parti integrali mill-viżjoni Malta 2050. 

Nittamaw li din twassal biex jitnaqqas it-tħassib tan-nies għalkemm l-importanza ta’ dawn il-ħaddiema jibqa’ wieħed essenzjali l-aktar biex jimtela’ l-vojt f’ċertu setturi fejn m’hemmx biżżejjed ħaddiema Maltin li huma lesti għal dan ix-xogħol.

Illum, 11-il sena wara li l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern, l-ekonomija kompliet tissaħħaħ u għalhekk il-pajjiż jista’ jagħżel x’jaqbel lilu, x’jaqbel lill-poplu u x’jaqbel lill-futur taż-żgħażagħ u t-tfal Maltin u Għawdxin. 

Aħna konvinti li bi tmexxija għaqlija, jintlaħqu l-għanijiet tal-Viżjoni Malta 2050 b’risq il-komunitajiet kollha ta’ pajjiżna.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport