Saturday, December 14, 2024

Vjaġġ aktar ekoloġiku għal BOV

Aqra wkoll

B’footprint kbir ħafna fil-Gżejjer Maltin kollha, u b’wieħed mill-akbar numri ta’ impjegati f’Malta, il-Bank of Valletta huwa konxju ħafna mill-impatt tiegħu fuq l-ambjent u qiegħed kontinwament jagħmel passi kbar fl-isforzi tiegħu biex inaqqas il-carbon footprint tiegħu.

Permezz ta’ studju intensiv li sar xi snin ilu, il-Bank iddetermina s-siti vijabbli għall-installazzjoni ta’ pannelli Fotovoltajċi u dawn iġġeneraw ‘il fuq minn 113,000kWh matul is-sena 2021 biss. Dan huwa l-ekwivalenti tal-konsum medju ta’ aktar minn 150 familja għal xahar sħiħ. Dan huwa kkumplimentat bl-użu tal-aħħar teknoloġija fejn jidħol tagħmir elettroniku fl-uffiċċji tagħna għal konsum aktar baxx.

Il-Bank iffranka ‘l fuq minn 4,000 metru kubu ta’ ilma permezz tal-ġbir tal-ilma tax-xita u l-kondensazzjoni mill-arja kondizzjonata. Dan l-ilma jinħażen f’ġibjuni mibnija apposta għal dan il-għan u dan l-ilma jerġa jintuża għal-skopijiet iġjeniċi.

Bil-karozzi ibridi li jiffurmaw parti kbira mill-flotta tal-karozzi tal-Bank, l-istatistika turi li l-Bank uża aktar minn 2,000 litru inqas fi fjuwil f’sena, li dan inaqqas aktar minn 4,600 kg ta’ emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju fl-atmosfera. Skart elettnoiku li ntrma b’mod responsabbli matul l-2021 ken ta madwar 740kg.

Waħda mill-aħħar inizjattivi adottati mill-Bank hija li jħeġġeġ lill-impjegati tiegħu biex inaqqsu t-tniġġis. Membri tal-persunal li jimxu, jiġru, jew immorru bir-rota għax-xogħol, jagħmlu car-pooling jew jużaw it-trasport pubbliku għal 80% tal-vjaġġi tagħhom lejn ix-xogħol qed jiġu ppremjati b’donazzjoni monetarja, minbarra s-sens ta’ kburija tagħhom infushom li qed jgħinu lid-dinja li ngħixu fiha.

Għalkemm qatra fl-oċean, il-BOV qed jagħmel is-sehem tiegħu biex jikkontribwixxi lejn it-tnaqqis tal-carbon footprint tiegħu u qed iħeġġeġ lin-nies jadottaw stil ta’ ħajja aktar ekoloġiku bl-għajnuna ta’ prodotti ta’ finanzjament ekoloġiku. Dawn ġew introdotti matul is-snin li għaddew bil-għan li jagħmlu d-djar tan-nies aktar ekoloġiċi u jiffinanzjaw għażliet ta’ stil ta’ ħajja li jippermettu lill-klijenti jaċċessaw prodotti ta’ enerġija rinnovabbli u soluzzjonijiet effiċjenti fl-enerġija.

Aħna naqsmu bejnietna din l-art u l-ambjent. Id-dinja tospitana u tippermetti l-eżistenza tagħna stess. It-tkabbir ekonomiku u l-ħarsien ambjentali għandhom jaħdmu id f’id għax, ċertament wieħed ma jistax jeżisti mingħajr l-ieħor.

Ekonomija

Sport