Friday, December 27, 2024

Vladimir Putin jifraħ lil Xi Jinping għar-rebħa tat-tielet term bħala President taċ-Ċina

Aqra wkoll

Il-President Russu Vladimir Putin feraħ lill-President Ċiniż Xi Jinping wara li tal-aħħar irnexxielu jikseb it-tielet term tiegħu bħala mexxej tal-pajjiż. 

Putin qal li huwa qiegħed iħares ’il quddiem biex ikompli jsaħħaħ il-ħbiberija bejn dawn iż-żewġ pajjiżi. Is-sit uffiċjali tal-Kremlin irrapporta li Putin feraħ lil Xi u qallu li, “dan ir-riżultat jikkonferma bis-sħiħ l-awtorità politika għolja tiegħek, kif ukoll l-għaqda li hemm fi ħdan il-partit li inti tmexxi.”

Fi Frar li għadda, sewwasew tliet ġimgħat qabel ir-Russja bdiet l-invażjoni fl-Ukrajna, Xi u Putin kienu ffirmaw ftehim ta’ ħbiberija “bla limiti”. Iżda minn dakinhar ’il hawn iċ-Ċina dejjem kienet kawta fil-kummenti tagħha dwar dan il-kunflitt fejn fuq naħa hija kkritikat is-sanzjonijiet tal-Punent fuq ir-Russja iżda mbagħad baqgħet lura milli turi appoġġ jew tassisti fil-kampanja militari. 

Dwar dan il-punt, ix-xahar li għadda waqt laqgħa li Putin u Xi kellhom wiċċ imb wiċċ tal-ewwel qal li huwa jifhem “it-tħassib u l-mistoqsijiet” li tal-aħħar għandu dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna. Din kienet stqarrija sorpriża li wriet li verament hemm differenzi fil-ħsieb bejn dawn iż-żewġ mexxejja dwar il-gwerra fl-Ukrajna.

Ekonomija

Sport