Wednesday, April 24, 2024

“Missieri kien tliet minuti biss bogħod mill-isplużjoni … sabuh iqalleb fil-ġebel”

25 sena mit-traġedja li fiha tilef ħajtu l-Kappuna

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kien bħal lum 25 sena ilu metą is-Sannat tbikkem.  Ta’ Sannat dakinhar kien tilef lil Kelinu magħruf bħala Kappuna.  Dak iż-żmien kif issemmi l-laqam ta’ Kappuna f’moħħok  jiġik il-logħob tan-nar  tal-ajru li tant kien magħruf għalih. Kappuna miet fil-post li kien iħobb – il-Kamra tan-nar ta’ Santa Margerita fis-Sanap fil-limiti tal-Munxar. Kienet splużjoni li heżżet lil Għawdex u nstemgħet minn Malta. Żjara f’Għawdex li dakinhar kien qed jagħmel il-Prim Ministru Dr. Alfred Sant f’Għawdex intemmet ħesrem fejn hu kien mar fuq il-post tad-diżgrazzja. Ma’ Kelinu Azzopardi kien miet ukoll Joe Grima.

In-nuqqas ta’ Kappuna f’Ta’ Sannat inħass ħafna. Bin-nuqqas ta’ Kelinu l-Kappuna wieħed jista’ jgħid li ingħalaq kapitlu mill-istorja tal-festa ta’ Santa Margerita f’Ta’ Sannat. Fi kliem Joe Mifsud li hu ukoll mis-Sannat, “min jista’ jifred lil Kappuna minn mal-festa ta’ Santa Margerita? Hekk irridu nibqgħu niftakruk, b’dawk l-għajnejn jiddu, dieħel fil-knisja wara l-purċissjoni biex tirringrazzja lil Santa Margerita li tant ħabbejt u issa qiegħed ħdejha.”

Talk.mt tkellmet mat-tifel ta’ Kappuna, Joseph Azzopardi. Jgħidilna li “jien dak iż-żmien kont naħdem bħala suldat mal-AFM imma ma kull ċans li kont insib kont dejjem nagħti daqqa t’id lil misseiri il-kamra. Konna naħdmu ammonti kbar f’dawk iż-żminijiet speċjalment għall-festa f’Ta’ Sannat u il-maġġoranza tan-nar kienu jkunu spejjeż tiegħu!”.

“Dakinhar tad-diżgrazzja niftakar missieri kien staqsieni nitla’ ngħinu jinkolla il-murtali imma kont għedtlu li irrid immur b’ġirja nbiddel l-uniformi tax-xogħol u nirranġa xi ħaġa żgħira fuq il-bejt tad-dar għax kont għadni kif ġibt kelba u ridt nirranġalha post għaliha fejn tkun tista’ toqgħod. Kif lestejt jien dritt qbadt it-triq lejn il-kamra u kont ftit minuti biss il-bogħod malli smajt l-isplużjoni. Jien kont l-ewwel wieħed li wasalt fuq il-post.”

“Wara li miet missieri għamilt żmien naħdem ma’ Dirjanu, Alla jagħtih il-mistrieh ta’ dejjem. Imma imbagħad wara li kelli l-ewwel tifel tiegħi irrealizzjat li għandi nieqaf  naħdem in-nar għax hemm ir-riskju li f’ħakka t’għajn nitlef il-familja kollha peress li kont diġa għaddejt mill-esperjenza tat-telfa ta missieri u ir-raġel ta’ oħti.” Tkellimna ma’ Mikhail Azzopardi, neputi ta’ Kappuna. Mikhail, jgħidli mill-ewwel li “personalment ma nafhomx, u dak li naf dwar Kelinu u Joe hu bbażat min fuq xi smajt fuqhom mill-familjari tiegħi u minn nies li kienu jafuh. L-ewwel ħaġa li jgħidulek in-nies meta issemmilhom lill-Kappuna jgħidulek li kien bniedem li jagħti qalbu għar-raħal u jagħmel dak kollu possibbli biex ir-raħal iġibu aktar minn ta’ quddiem. Kien benefattur kbir għall-klabb tal-futbol ta’ Sannat. Kien jgħin bil-kbir fl-armar tal festa. Kien saħansitra jitla’ jarma il-koppla tal-knisja bis-sellum u jwaħħal il-bozoz mas-salib li jinsab fil-quċċata tal-koppla. In-nannu tiegħi, Kappuna, kien wkoll iħaddem in-nies miegħu fil-qasam tal-kostruzzjoni. Darba jgħidu li kien hemm xi inkwiet mal-parroċċa u l-armar tal-festa ma ħarixx sena minnhom. Kien fatal xi ħmistax-il jum biss għall-festa. Kappuna qabad il-ħaddiema tiegħu kollha, u wara ix-xogħol kien ħadhom miegħu lura fir-raħal biex jgħinu jarmaw it-toroq ta’ Sannat ghal festa. Dan sar kollox spejjeż tiegħu.”

Kellu fama kbira fin-nar

Mikhail jgħidilna li “fil-qasam pirotekniku, kien u għadu leġġenda kbira. Kien jaħdem nar u jimla is-sema. Kellu fama kbira fost il-Maltin u Għawdxin. Tant kellu fama kbira li meta missieri ħadem l-ewwel murtali tiegħu biex jinħarqu għall-festa tax-Xlendi, nofs Għawdex niżel bi ħġaru jara l-eredi ta’ Kappuna. Kellja tkun il-ġenerazzjoni li jmiss fin-nar Għawdxi.” 

Joe Grima, ir-raġel tat-tifla ta’ Kappuna (li tiġi ziti) kien bniedem vera kwiet, bieżel u dħuli. Ma kienx daqshekk midħla tan-nar imma xi kultant kien jitla’ fejn ħatnu Kappuna jgħinu f’xi ħaġa. Sfortunatament, kellu jkun propju Joe li jkun fil-kamra ma’ Kappuna meta seħħet id-diżgrazzja. Hu kellu biss 29 sena.”

Missieri kien waqaf jaħdem in-nar għax ma riedx li nispiċċa bla missier

Mikhail jgħidilna li “dakinar tat-traġedja il-gżejjer Maltin ħadu xokk. Ħafna ġrew għal fuq il-post tat-traġedja u jsibu lil missieri fuq il-post jqalleb ġol-ħerba. Missieri kien telt minuti biss ‘lbogħod mill-kamra meta taret. Sogħba kbira waqgħet speċjalment fuq raħalna. Il-Prim Ministru ta dak iż-żmien, Alfred Sant wkoll ġie jżur il-post tat-traġedja ftit mumenti wara li seħħet l-isplużjoni. Min dakinhar ‘lhawn, kienu diversi dawk li bdew isostnu li l-piroteknika f’Għawdex ħadet  daqqa ta’ ħarta.”

Jisħaq li “llum il-ġurnata, missieri ħalla warajh dik il-ħajja. Waqaf xi erba’ snin wara id-diżgrazzja. Jgħid li l-ħaġa li waqqfitu kienet dik li għax meta kien iħares lejja, ma xtaqtx li jien nispiċċa bla missier bħal ma ġara lilu. Kien u għadu jħobbu ix-xogħol tal-piroteknika imma it-trawma baqgħet miegħu wkoll.”

Mikhail jgħidilna li “llum il-ġurnata jien ninsab fil-kumitat tan-nar ta’ Sannat, l-Għaqda tan-Nar 20 ta’ Lulju”. L-għan tiegħi hu li nżomm il-memorja tal-vittmi ħajja għal ġenerazzjonijiet li ġejjin.”

“Jien ħlistha bi żbrixx” – Joe Bajada

Dan is-sit tkellem ma’ Joe Bajada, li dak iż-żmien li seħħet it-traġedja kien attiv fil-ħidma tal-logħob tan-nar.  Jgħidilna li “dakinhar tat-traġedja jien kont sejen fuq il-post. Ħlistha bi żbrixx għax kont għadni ma wasaltx. Wara ukoll kelli esperjenza oħra xejn sabiħa meta ħlistha ukoll. Ippruvajna darbtejn nerġgħu nġibu l-permessi għal kamra tan-nar fejn kien jaħdem Kappuna imma ma tawniex permessi. Kappuna kien it-tmun tan-nar f’Għawdex. Ma tistax titkellem fuq Kappuna jekk ma ssemmix il-logħob tan-nar.  Fi żmienu Sannat kien l-aktar raħal Għawdxi magħruf għal logħob tan-nar.” 

Il-post tal-inċident … Illum quddiesa fil-post tat-traġedja u tinkixef lapida

Intant fl-okkażjoni tal-25 sena anniversarju mit-traġedja l-Għaqda tan-Nar 20 ta’ Lulju Ta’ Sannat se torganizza quddiesa fuq il-post tal-inċident bħala wirja ta’ solidarjetà u apprezzament ta’ dak kollu li għamlu għas-Sannat u għall-patruna  Santa Margerita. 

Sport