Sunday, May 5, 2024

ARA: Infrastructure Malta bi pjanti ġodda ta’ Msida Creek Project

Aqra wkoll

Infrastructure Malta se tissottometti pjanti ġodda ta’ Msida Creek Project fuq l-applikazzjonijiet tal-iżvilupp tal-proġett lill-Awtorità tal-Ippjanar. 

Minbarra l-bini ta’ flyover minflok il-junction bis-sistema ta’ traffic lights fix-Xatt tal-Imsida u faċilitajiet aktar siguri għal mezzi alternattivi tal-ivvjaġġar, inkluż mogħdija ġdida għall-mixi u r-roti, il-proġett jaħseb ukoll sabiex isir titjib kbir u tisbiħ tal-inħawi fil-madwar b’żoni ġodda għar-rikreazzjoni. Fil-fatt, 60% ta’ Msida Creek Project kif qed jiġi propost mill-aġenzija huwa ddedikat għal spazji pubbliċi miftuħa li ser jagħtu dehra ferm isbaħ lill-qalba ta’ din il-lokalità.

Iż-żieda fl-ispazji  miftuħa u żoni ta’ rikreazzjoni li ser jinħolqu permezz tal-proġett jinkludu pjazza ġdida ta’ 2,200 metru kwadru quddiem il-Knisja Parrokkjali u kanal tal-ilma baħar li jagħmel ukoll parti minn pjan għal kontra l-għargħar. Dan il-kanal twil 300 metru se jkun imdawwar b’passaġġi qalb is-siġar f’żona fejn wieħed ikun jista’ jqatta’ ħin ta’ mistrieħ f’ambjent għall-kwiet.

Dan l-investiment ta’ madwar €18-il miljun jinkludi l-iddisinjar u l-bini mill-ġdid tal-junction tat-traffic lights li tgħaqqad Triq il-Marina (minn u lejn Sa Maison u l-Belt Valletta), Triq il-Wied tal-Imsida u Triq Mikiel Anton Vassalli (minn u lejn ir-roundabout tal-iSkatepark f’Tal-Qroqq), kif ukoll it-titjib ta’ numru ta’ konnessjonijiet oħra ma’ toroq oħrajn fl-inħawi li jwasslu minn u lejn il-Gżira, Tas-Sliema u Ta’ Xbiex. Id-disinn propost għal dawn it-toroq se jelimina il-ħin ta’ stennija fit-traffic lights kif ukoll inaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar u r-riskji ta’ aċċidenti tul din ir-rotta arterjali, waqt li jtejjeb il-kwalità tal-arja fil-qalba tal-Imsida u f’żoni oħra fil-viċinanzi. 

Din l-arterja, li testendi mill-inħawi ta’ Sa Maison fl-Imsida sar-roundabout tal-iSkatepark f’Tal-Qroqq hija waħda mill-ħoloq prinċipali fis-sistema tat-toroq tal-pajjiż. Tgħaqqad il-Belt Valletta u r-reġjun tal-Port il-Kbir mar-reġjuni tat-tramuntana u tan-nofsinhar permezz ta’ Triq il-Wied tal-Imsida, Triq Dun Karm (Birkirkara Bypass), Triq Reġjonali u Triq il-Kosta. Mill-junction tat-traffic lights fix-Xatt tal-Imsida jgħaddu aktar minn 4,500 vettura kull siegħa sabiex jivjaġġaw minn u lejn il-Belt Valletta u lokalitajiet oħrajn fil-viċin.    

Il-flyover ġdida, b’korsija f’kull direzzjoni u twila madwar 200 metru, li qed tkun proposta għal dan il-proġett se tgħaqqad direttament Triq il-Marina ma’ Triq Mikiel Anton Vassalli, sabiex jonqos l-impatt tat-traffiku fuq iż-żoni residenzjali u dawk għal rikreazzjoni fl-inħawi, fosthom il-prominad tal-Imsida. Bl-istruttura tal-flyover flok it-traffic lights, il-proġett se jżid l-effiċjenza u l-kapaċità ta’ din l-arterja, waqt li jnaqqas il-livelli għoljin ta’ tniġġis fl-arja u storbju li hemm bħalissa bil-waqfien u l-istennija sakemm jaqilbu d-dwal.

It-titjib ta’ din l-arterja importanti fis-sistema tat-toroq tagħna huwa parti mill-impenn kontinwu ta’ Infrastructure Malta sabiex ittejjeb il-kwalità, l-effiċjenza, is-sigurtà u s-sostenibilità tal-infrastruttura għat-trasport fuq l-art madwar il-pajjiż, u sabiex tipprovdi l-kapaċità neċessarja sabiex jingħelbu l-isfidi ta’ bħalissa u jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-futur. L-aġenzija għamlet Road Scheme Upgrade Assessment u Road Safety Audit sabiex tassigura li l-infrastruttura ġdida tilħaq b’mod effiċjenti u sigur il-ħtiġijiet tat-trasport f’din iż-żona, kemm dawk ta’ bħalissa kif ukoll fil-futur. 

Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta se ttejjeb ukoll il-konnessjonijiet għat-trasport pubbliku tul din ir-rotta fejn is-servizz tal-karozzi tal-linja huwa mfittex ħafna. Ser jinbnew ukoll bankini iżjed wisgħin u parti minn rotta ġdida max-xatt għall-mixi u r-roti, li ser tkun mifruda mit-triq u eventwalment tgħaqqad Tal-Pieta ma’ Ta’ Xbiex u Triq il-Wied tal-Imsida, filwaqt li ser ikun hemm numru ta’ pelican crossings li ser jagħtu l-faċilità li wieħed jaqsam it-triq b’mod sigur.

L-aġenzija se toħloq ukoll parkeġġ bi spazju għal 100 vettura msaqqaf b’pannelli fotovoltaiċi, waqt li madwar il-Monument tal-Ħaddiem se tagħmel xogħol ta’ tisbiħ bi tħawwil ta’ aktar siġar u pjanti sabiex isir parti mill-ġnien pubbliku li se jkun akbar milli hemm illum u fi spazju miftuħ fiż-żona tal-madwar li flimkien jammontaw għal 4,500 metru kwadru. 

Il-pjanti l-ġodda tal-proġett jinkludu sistema komprensiva għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita sabiex tittaffa l-problema tal-għargħar li ilha teżisti f’din iż-żona għal għexieren ta’ snin. 

Għal aktar tagħrif u għajnuna, żur www.infrastructuremalta.com, jew ikkuntattja lil Infrastructure Malta fuq 2334 1000, [email protected] jew fuq Facebook, Twitter u Instagram.

Sport