Monday, December 23, 2024

Vladimir Putin mhux qed ikun informat b’kollox

Aqra wkoll

Il-White House qalet li l-Pre­sident Russu Vladimir Putin qiegħed ikun “im­qarraq” mill-konsulenti tie­għu stess li huma beżgħana wisq li jgħidulu l-verità dwar kemm tinsab serja ħażin il-gwerra ġewwa l-Ukrajna. Apparti hekk, is-servizz sigriet Britanniku qal li t-truppi Russi ġewwa l-Ukrajna jinsabu demoralizzati, nieqsa minn apparat meħtieġ u saħansitra qed jirrifjutaw li jesegwixxu l-ordnijiet li qed jingħataw. 

Il-White House żiedet tgħid li Putin lanqas qiegħed jingħata l-informazzjoni kollha dwar l-impatt qawwi li s-sanzjonijiet tal-Punent qegħdin iħallu fuq l-ekonomija Russa. Min-naħa tiegħu l-Kremlin għadu m’għaddiex kummenti dwar dawn l-allegazzjonijiet. 

Kate Bedingfield, li hija kelliema għall-White House, qalet li l-Istati Uniti għandha informazzjoni li Putin “qed iħossu mqarraq mill-militar Russu” u dan qiegħed iwassal għal “tensjoni kontinwa bejn Putin u l-mexxejja militari”. Bedingfield tenniet li, “il-gwerra ta’ Putin hija fjask strateġiku” u skontha din se tħalli lir-Russja dgħajfa u iżolata mill-bqija tad-dinja. 

Fid-dawl ta’ dan kollu, uffiċjali tal-Pentagon qalu li hija tat-tħassib ħafna jekk verament Putin mhux qiegħed jiġi infurmat b’kollox u dan għaliex jista’ jagħti l-każ li l-mexxej Russu jibqa’ jinsisti bil-gwerra u jinjora l-isforzi kollha li qed isiru favur il-paċi. Il-Pentagon qal ukoll li fuq in-naħa l-oħra tal-munita hemm ukoll it-tħassib dwar kif mexxej bħal Putin jista’ jirreaġixxi jekk ikun jaf l-aħbarijiet ħżiena kollha u l-falliment li qiegħed ikun hemm min-naħa tar-Russja.

Ekonomija

Sport