Tuesday, May 14, 2024

KELMA B’SAĦĦITHA FL-EWWEL SIGĦAT TAL-ĦATRA

Aqra wkoll

Minkejja li għaddew aktar minn sentejn mill-bidu tal-pandemija f’pajjiżna, xorta waħda jidher li l-Covid-19 għadu magħna. Fl-aħħar jiem u ġimgħat rajna l-każi ġodda jerġgħu jiżdiedu u r-raġunijiet wara din iż-żieda fin-numri ta’ każi pożittivi huma diversi. 

Ewlenin fosthom hemm il-fatt li bħalissa għandna sottovarjant tal-Omicron li qiegħed jiddomina madwar id-dinja kollha. Kellna perjodu kiesaħ, u għalhekk dan ma jgħinx fejn jidħol mard respiratorju.

Kellna wkoll rilaxx fil-miżuri tal-COVID-19, żieda fil-mobilità, kemm minħabba l-attivitajiet politiċi, u minn hawn u ftit ieħor se jkollna ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid u l-festi.

Issa li l-attivitajiet politiċi relatati mal-kampanja elettorali ġew fi tmiemhom, mhux mistenni jibqa’ jkollna daqstant tlaqqigħ ta’ persuni fl-istess post. Tajjeb li nfakkru li dawn il-ġemgħat ta’ persuni ltaqgħu wara li fl-aħħar xhur saru esperimenti lokali li fihom persuni mlaqqmin ġew mistiedna jiltaqgħu f’attività organizzata għal dan il-għan u li wittiet it-triq għal dan ir-rilaxx. Mill-analiżi li saret irriżulta li t-tilqim; l-għodda li dan il-gvern saħaq dwar l-importanza tagħha sa mill-ewwel jiem li feġġew l-ewwel każi, seta’ jwassalna biex nerġgħu nirrilaxxaw ċertu miżuri u norganizzaw ċertu avvenimenti.

Aktar kmieni din is-sena, għal aktar minn darba, id-Deputat Prim Ministru ħabbar waqt konferenzi l-pjan tal-awtoritajiet Maltin lejn in-normalità.

Iżda l-aktar b’saħħitha kienet il-kelma ta’ Robert Abela li ftit sigħat biss wara l-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru ta’ pajjiżna sostna li wara tant sagrifiċċji, il-gvern se jkompli fit-triq biex jitneħħew għalkollox ir-restrizzjonijiet. Irridu naslu f’mument fejn kemm jista’ jkun, nadottaw l-istil fejn tkun l-għażla personali tal-individwu dwar kif jemmen li hu l-aħjar jieħu ħsieb tiegħu nnifsu.

Abela tkellem b’mod speċjali dwar iż-żgħażagħ u qal kif din il-pandemija “ħaditilina wisq!” fejn kellna tfal u żgħażagħ li tilfu iktar minn erbgħa u għoxrin xahar mill-isbaħ żmien ta’ ħajjithom.

Nemmnu li din kienet kelma b’saħħitha ferm li tati tamiet ġodda lil dawk li qegħdin jaspiraw lejn suċċessi b’aspirazzjonijiet għall-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Din hija l-viżjoni li għaliha l-poplu għażel li jipparteċipa fl-elezzjoni li għaddiet u nemmnu li ladarba ngħatat din il-kelma, għandna nħarsu ’l quddiem biex dan is-sajf ikun wieħed li jnessina s-sagrifiċċji kollha li għaddejna minnhom u niċċelebraw fost l-oħrajn it-tradizzjonijiet ta’ poplu li dejjem qadef kemm felaħ biex jibqa’ miexi ’l quddiem kontra kull previst.

Sport