Fi kliem sħabha is-sorijiet fil-Creche tal-Ursolini, Sr Gemma kienet soru unika. Għexet ħajjitha taqdi bi mħabba, għożża u dedikazzjoni assoluta kemm lit-tfal afdati f’idejha. Jiddeskrivuha bħala umli, twajba u taf tħobb. Magħhom jingħaqdu, it-tfal li minn żmien għal żmien hi kienet tieħu ħsieb. Tfal li min għal ħaġa u min għal oħra jispiċċaw jieħdu ħsiebhom is-sorijiet u Sr Ġemma kienet litteralment tieħu post l-omm bioloġika. Dan baqgħet tagħmlu kull meta dawk l-istess tfal irrikorrew għandha. Riedu xi parir jew fetħu qalbhom magħha. Sr Ġemma dejjem kienet hemm tagħti l-pariri u fuq kollox ma tiġġudikax. Fi kliem waħda minn dawn it-tfal, li llum għandha 55 sena, il-mewt ta’ Sr Ġemma ħallitilha vojt kbir li taf li ma jistax jimtela’.
Talk.mt tkellmet ma’ Yolanda Grixti, dwar il-mewt ta’ Sr Ġemma, soru maħbuba ferm mit-tfal.
Tgħidilna li “dik kienet l-unika soru li irbatt qalbi magħha. Meta tkun drajt soru u jeħduhielek u jġibu oħra, tħossha ħafna. Jien domt mas-sorijiet sakemm kelli disa’ snin. Hi ma kinitx id-disa’ snin miegħi. Hi kienet fl-Istitut tal-Ursolini fil-Belt Valletta. Kelli diversi sorijiet. Dak iż-żmien kont nibki meta ma baqgħetx tieħu ħsiebi hi. Il-bidla minn soru għal oħra hi dejjem iebsa. Li nista’ ngħid fuqha hu li lil Sr Ġemma ma insejtha qatt. Sa qabel daħlet il-Covid19 f’Malta kont qiegħda l-Belt Valletta u ltqajt magħha fi Triq ir-Repubblika. Għedtilha tlesti l-qadi li kellha u ċċempilli u nwassalha l-Creche f’Tas-Sliema. Filfatt hekk għamilna”.
Tisħaq li “meta sirt naf li mietet kont qed naħdem ix-xift ta’ bil-lejl. Kont qed nara l-Facebook u tela’ ir-ritratt tagħha. Għall-ewwel ma ridtx nara x’ġara, għax kont naf x’kienet se tkun l-aħbar”.
“Jien qatt ma trabbejt mal-omm bioloġika tiegħi. Lil Sr Ġemma bkejtha ħafna. Kienet tistmani u matul dawn is-snin bqajt f’kuntatt magħha bit-telefon jew anke b’messenger. Konna f’kuntatt kontinwu u hi kienet dejjem hemm. Kienet tagħtini pariri tajbin. Kont inħossni komda nitkellem magħha. Kont naf li mhux se tiġġudikani. Kont niftaħ qalbi magħha. Meta tmut l-omm u tibkija tagħmel għax qisek ma tkunx tista’ tispjega ruħek. Jien meta mietet Sr Ġemma kont naf li hemm vojt li ma jistax jimtela’”.
Tgħid li “meta sirt naf bl-aħbar, ktibt l-ewwel ħisibijiet tiegħi. Ħarġu minn qalbi dawk. Ktibt li ‘l-omm mhux li tweldek imma f’ħafna ċirkostanzi hija dik il-mara li tieħu ħsiebek, trabbik u tgħallmek li hi l-omm tiegħek! Sr Gemma kienet l-omm tiegħi. Fl-ewwel disa’ snin ta’ ħajti meta kont l-Orsolini qabel ma mort għal dejjem ngħix mal-foster parents tiegħi! Kemm kont inħobbok Sr Gemma! Kemm kont ħelwa magħna t tfal! Kemm kellek paċenzja magħna! X’imħabba kellek ġo qalbek dejjem tidħak anki jekk konna inġennuk. Kont tieqaf tieħu nifs u b’daħka kont iddur lejja u tgħidli “imma ħelwa wisq inti biex nirrabbja miegħek” u tagħfasni waħda magħha. X’ma nibkijkx! F’qalbi kont, bqajt u tibqa’”.