“Li taħdem fil-unjin, li tkun trejdunjonista, ma tridx tħares lejh biss bħala impjieg imma hi vokazzjoni b’missjoni fejn ikollok widnejn li jisimgħu u qalb biex tagħder.”
Qal dan is-Segretarju l-ġdid tat-Taqsima GWU Ospitalità u Ikel Brian Bonnici f’diskors li għamel wara l-ħatra tiegħu f’Konferenza Straordinarja tat-Taqsima li illum l-Erbgħa waranofsinhar fil-Workers’ Memorial Building, il-Belt Valletta.

Brian Bonnici se jieħu post Kevin Abela li għal dawn l-aħħar tliet snin mexxa din it-Taqsima u wassal biex jiġu negozjati u konklużi b’suċċess għadd ta’ ftehimi kollettivi għall-ħaddiema membri tat-Taqsima. Abela kien maħtur bħala Segretarju Internazzjonali waqt il-Kungress Nazzjonali tal-GWU.
Fil-kummenti tiegħu, Bonnici qal li “huwa sodisfazzjon u unur li qed niġi fdat b’din il-kariga. Hija missjoni li rrid inwettaq, li ssawret fija tul dawn l-34 sena li ili involut fil-ħidma tal-GWU f’diversi oqsma differenti, sew mal-ġurnali u l-midja tal-unjin, l-aspett organizzattiv.

“Illum wara sentejn Assistent Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi, se nibda nagħti l-kontribut tiegħi fit-Taqsima Ospitalità u Ikel. Nemmen li se jkunu snin li jkomplu jġibu diversi opportunitajiet u sfidi. L-impenn tiegħi hu li nibqa’ naħdem għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
“Imma fuq kollox, għall-ħaddiema kollha, anke dawk li la huma Maltin u lanqas Għawdxin imma qed jgħixu u jagħtu kontribut f’pajjiżna. Dik hi l-missjoni tal-GWU – li tibqa’ ġġib ’il quddiem l-interessi tal-ħaddiema u l-avvanzi tagħhom,” tenna Bonnici.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja li enfasizza fuq l-importanza li nitkellmu fuq l-aħna u mhux il-jiena. Qal li għalhekk f’intervista li għamel dan l-aħħar huwa stqarr li ħadd mhu akbar mill-organizzazzjoni.
Tenna li l-GWU mhux biss hi d-difensur tal-ħaddiema imma qiegħda tkompli taħdem biex tilħaq l-aspirazzjonijiet tagħhom. “Li tisma’ huwa tajjeb. Li tifhem u jkollok empatija hi aħjar,” qal Bugeja.
Huwa temm billi rringrazzja lil Kevin Abela tal-ħidma mwettqa minnu kemm dam jokkupa din il-kariga u awgura kull suċċess lil Brian Bonnici fir-rwol ġdid tiegħu.
Sadanittant, is-Segretarju Internazzjonali Kevin Abela qal li fis-snin li huwa kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel sar ħafna xogħol pożittiv għat-Taqsima bl-għajnuna ta’ kulħadd.

Abela semma diversi tragwardi li ntlaħqu fosthom il-ftehim mal-Malta Delivery Fleet Operators’ Association li se jsaħħaħ id-drittijiet u l-kundizzjonjiet tax-xogħol tal-food couriers. Qal li b’dan il-ftehim se jkunu daħlu mal-1,500 ħaddiem ġdid fit-Taqsima.
Huwa awgura lil Brian Bonnici għall-ħatra tiegħu u qal li jinsab konvint li din it-Taqsima għandha futur sabiħ quddiemha u ħafna aktar fejn timraħ. Abela rringrazzja wkoll lill-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU, lis-Segretarji kollha tat-Taqsimiet u lill-uffiċjali u l-ħaddiema l-oħra kollha fi ħdan il-unjin.

