Bejn l-Erbgħa 13 u l-Ħadd 17 ta’ Diċembru 2023 se ssir it-tieni edizzjoni tal-Marindex Trophies Volleyball Christmas Tournament organizzat minn Paola Volleyball Club. Dan it-tornew se jsir fil-Padiljun tal-Isport f’Kordin u barra t-team tan-nisa mis-Super League ta’ Raħal Ġdid, Paola Executive Security immexxi minn Mark Ħili, se jieħdu sehem ukoll it-teams ta’ Paola Yes2 Health Fitness Club mill-Ewwel Diviżjoni, Birkirkara mis-Super League u Mġarr mill-Ewwel Diviżjoni.
Dan it-tornew jagħmel parti mill-istrateġija tat-team Pawlist biex ikompli jippromwovi din id-dixxiplina sportiva f’pajjiżna. Dr Kenneth Vella, President tal-club, beda billi f’isem il-kumitat tat-tmexxija rringrazzja lid-diriġenti tal-clubs ta’ Birkirkara u Mġarr li għal darba oħra mill-ewwel laqgħu l-istedina biex jieħdu sehem fit-tornew għat-tieni sena nfila u anki lil coaches tal-club u l-kumitat. Hu anki rringrazzja lil Marindex Trophies li għal darba oħra huma l-isponsors ewlenin ta’ dan it-tornew.
“Kif kien mistenni dan l-istaġun għaż-żewġ teams tagħna fil-kampjonati Super League u fl-Ewwel Diviżjoni huwa wieħed ta’ sfida. Dak fis-Super League għadu kemm ġie promoss u għadu qiegħed jipprova jistabilixxi ruħu. filwaqt li l-club fl-Ewwel Diviżjoni hu magħmul minn uċuħ ġodda u qiegħed f’fażi sperimentali. Attwalment bħala club qegħdin nieħdu diversi inizjattivi anki biex inkomplu nsaħħu n-nursery tagħna grazzi għall-ħidma kontinwa ta’ Carmen Gauci u Antonio Borg u anki mil-lat amministrattiv b’impenn kontinwu ta’ Alexia Brincau, Tiziana Bonnici u Claire Falzon. Alessio Muscat ukoll qiegħed jikkordina kull nhar ta’ Sibt sessjonijiet ta’ volleyball għad-divertiment fl-istess padiljun ta’ Kordin,” tenna Dr Vella.
Dwar it-tornew hu saħaq ukoll li dan ma kienx ikun possibbli mingħajr l-appoġġ tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volleyball immexxija mill-President l-Inġinier Edward Gatt u l-isponsors Marindex Trophies, Executive Security Services, Yes2Health Fitness Club, Izibet u Dragonara Casino And Brasserie.
Finalment hija l-intenzjoni ta’ Paola Volleyball Club li dan it-tornew ta’ żmien il-Milied jibqa jiġi organizzat anki fis-snin li ġejjin. Is-sena li għaddiet l-ewwel edizzjoni ta’ dan it-tornew intrebħet minn Birkirkara.
Il-programm tat-tornew se jkun is-segwenti –
L-Erbgħa 13 ta’ Diċembru
7.30pm Paola A vs Paola B
Il-Ġimgħa 15 ta’ Diċembru
8.30pm Mġarr vs Birkirkara
Is-Sibt 16 ta’ Diċembru
4pm Birkirkara vs Paola A
6.30pm Mġarr vs Paola B
Il-Ħadd 17 ta’ Diċembru
9am Paola B vs Birkirkara
11am Mġarr vs Paola A