Sunday, December 22, 2024

VON DER LEYEN

Aqra wkoll

Ma naqbilx li Ursula von der Leyen kienet Presidenta adekwata tal-Kummissjoni Ewropea fl-aħħar snin. Uriet ċerti ħiliet maniġerjali fil-mod kif fissret u ħaddmet programmi varati mill-Unjoni Ewropea, li ma kinux żgħar. Imma anke dwarhom is-sens li uriet biex tfehemhom u ssostnihom kien dgħajjef. Aktar u aktar meta ġiet quddiem kwistjonijiet strateġiċi mhux mistennija, bħall-Covid, il-kompetizzjoni maċ-Ċina u l-gwerra fl-Ukrajna. Ma ngħidu xejn dwar ir-rwol tagħha fil-“gwerra” (jew aħjar massakru maħdum f’żewġ kapitli) tal-Gaża.

Il-problema ta’ von der Leyen hi li ma tipproġetta l-ebda sens politiku għal fejn tinsab l-Unjoni Ewropea jew fejn trid twassalha. Talanqas Roberta Metsola tagħmel hekk, anke jekk b’mod vag fl-istqarrijiet pjuttost nejja tagħha dwar “valuri Ewropej”. Von der Leyen donnha tibqa’ marbuta mar-rutina ta’ viżjoni burokratika tal-Ewropa. Dak ta’ qabilha, Jean-Claude Juncker għalkemm ukoll imreġi mill-ħsieb Ġermaniż, kien ta’ kalibru aqwa.

M’hemm l-ebda preġudizzju partiġġjan f’dan. Il-politiċi kollha msemmija jappartjenu għall-Partit Ewropew tal-Popolari.

IS-SOĊJALISTI ĠERMANIŻI

Ir-riżultati tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew kienu daqqa ta’ ħarta kbira għas-soċjalisti Ġermaniżi. Qatt qabel il-persentaġġ ta’ voti li ġabu ma kien daqstant baxx, speċjalment f’żoni mitqiesa bħala politikament “tagħhom”. Anke votanti tal-qalba abbandunawhom.

Problema għalihom hi li jinsabu fi gvern ma’ żewġ alleati li jippruvaw jiġbduhom f’direzzjonijiet kuntrarji. Il-battibekki kontinwi li dan ġab miegħu tellfuhom stima u kredibilità. Biex tgħaxxaqha d-deċiżjonijiet li ħadu (jew ma ħadux) mhux l-anqas għal raġunijiet “Ewropej” dejqu lill-votanti soċjalisti għax qiesu li l-interessi u l-bżonnijiet tagħhom qed jiġu injorati.

Dan għen lil-lemin estrem jirbaħ appoġġ fost ex-votanti soċjalisti. Madankollu, b’xorti ħażina, kien hemm voti soċjalisti li marru anke fuq partiti oħra u numru sostanzjali ta’ soċjalisti li baqgħu d-dar f’jum il-vot.

IL-FAWRA TURISTIKA

Il-fawra turistika das-sajf mhux se sseħħ f’Malta biss imma mal-Mediterran u anke ċ-ċentru tal-Ewropa. Minn kullimkien, minkejja l-għoli tal-prezzijiet, it-temperaturi li baqgħu jiżdiedu u r-rati ta’ tkabbir ekonomiku pjuttost baxxi, il-ħajra taċ-ċittadini Ewropej biex isiefru fuq btala għadha tikkarga. Ħafna inħawi qed ilestu għall-wasla ta’ turisti f’numri rekord.

X’inhi r-raġuni għal dan kollu? In-nies għadha qed tpatti għad-dwejjaq ikkawżati mill-pandemija tal-Covid li żammitha mrekkna d-dar? Diffiċli temmen dil-ħaġa. Il-familji draw li għall-vaganzi ta’ kull xorta li jfettillhom jieħdu, aħjar jaqbdu l-ajruplan?

Li żgur se jiġri hu li minkejja l-vantaġġi li dat-turiżmu jġib miegħu, iż-żieda li jinsab għaddej biha se toħloq inkonvenjenzi kbar għaċ-ċittadini tal-postijiet fejn iżuru. F’ċerti inħawi diġà l-infrastrutturi qed iċedu taħt il-piż tal-użu li qed isir minnhom.

Ekonomija

Sport