Il-President tal-Kummissjoni Ewropeea Ursula von der Leyen qalet li l-Unjoni Ewropea għandha tikkunsidra u tiddiskuti jekk tilqim obbligatorju huwiex meħtieġ biex jgħin fil-ġlieda kontra ż-żieda fil-każijiet tal-Covid-19, kif ukoll il-varjant il-ġdid Omicron.
Von der Leyen innotat li 77 % tal-adulti fl-UE huma mlaqqma, u li t-tilqim u l-booster jibqgħu l-aħjar mod biex tiġi miġġielda l-pandemija. Għaldaqstant hija appellat biex kulħadd jaċċetta l-istedina u jitlaqqam kontra l-Covid-19.
Hija ħabbret ukoll li minn ġimgħatejn oħra t-tilqima tal-Pfizer se tkun tista’ tibda tingħata lil dawk it-tfal li għandhom bejn il-ħames snin u l-11-il sena.
Dak li mistenni jkun il-Kanċillier il-ġdid Ġermaniż Olaf Scholz ta l-appoġġ tiegħu biex il-vaċċin tal-Covid-19 ikun obbligatorju u sejjaħ għal vot parlamentari dwar il-pjan.