Thursday, June 13, 2024

Vot b’saħħtu lill-Partit Laburista jfisser ukoll titjib b’saħħtu fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema

Aqra wkoll

“Se jkollna l-aqwa ftehim kollettiv li qatt ingħata lill-għalliema f’dan il-pajjiż, kundizzjonijiet tax-xogħol b’saħħithom, żidiet b’saħħithom.”

Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela meta kien qed jindirizza attività politika fir-Rabat, fejn spjega kif ftit tal-ħin ilu rnexxielhom jagħlqu d-diskussjonijiet illi wassal għall-ftehim mal-għalliema. Huwa rringrazzja lill-MUT tal-kollaborazzjoni u tenna li b’djalogu kostruttiv waslu għal dan il-ftehim.

Dr Abela semma wkoll li f’dawn is-sentejn Gvern Laburista saħħaħ bil-qawwa l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ tant ħaddiema, inkluż f’tlett kategoriji li huma kruċjali biex ikollna soċjetà b’saħħitha. Hawn semma il-ftehim kollettiv b’saħħtu lill-infermiera u l-qwiebel, lill-pulizija u llum waslu għall-ftehim mal-għalliema. Hawn wassal messaġġ ta’ gratitudni lill-għalliema u tenna li dan il-Gvern jemmen fl-edukaturi u huwa grat lejhom għax qed jibnu ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ b’saħħitha, li se tkun tfisser sinsla ta’ pajjiż b’saħħtu.

“Dak tal-lum huwa raġuni oħra għala fit-8 ta’ Ġunju għandna nagħtu vot b’saħħtu lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista. Vot b’saħħtu lill-Partit Laburista jfisser titjib b’saħħtu fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tagħna,” sostna Dr Abela.

Quddiem folla sabiħa fir-Rabat, il-Prim Ministru Robert Abela wieġeb ukoll numru ta’ interventi li saru mill-pubbliku preżenti, kif ukoll mistoqsijiet li daħlu permezz ta’ sistema onlajn.

Dwar persuni b’diżabilità, Dr Abela saħaq li dan il-Gvern dejjem ħadem sabiex l-aspirazzjonijiet ta’ kulħadd jagħmilhom realtà. Hawn semma l-ħidma li saret minn Gvern Laburista, fejn ittieħdu deċiżjonijiet li ġabu d-differenza fil-ħajja tan-nies. Semma kif infetħu numru ta’ residenzi fil-komunità għall-persuni b’diżabilità, l-iskema New Hope li tgħin persuni b’diżabilità jsiru sidien ta’ darhom. Semma wkoll l-miżura li qed tgħin ħafna lill-persuni b’diżabilità, dik tal-assistenti personali fejn il-Gvern qed jagħti fondi għal din il-miżura. 

Dwar il-Qorti tal-Familja, il-Prim Ministru spjega r-riforma li qed issir mill-Gvern. Saħaq fuq l-għatx għar-riformi ta’ dan il-gvern. “Ġibna bidliet li l-forzi konservattivi f’dan il-pajjiż irresistewhom. Aħna kellna l-kuraġġ illi nbiddlu. Illum il-ġurnata hemm realtajiet oħra, però dak l-għatx għall-bidla jibqa’ wieħed kostanti u din ir-riforma proprja turi dak il-kuraġġ illi nibqgħu nġibu r-riformi fl-aktar setturi sensittivi,” tenna Dr Abela.

Mistoqsi dwar is-saħħa mentali, Dr Abela wieġeb kif gvern laburista qed ikompli jsaħħaħ is-servizz tas-saħħa mentali u qed jittieħdu miżuri sabiex tonqos l-istigma marbuta ma’ dan is-suġġett. Semma li se jkun qed isir l-phasing out tal-Isptar Monte Karmeli u ta spjegazzjoni ta kif din se tiġi mwettqa. “Il-qasam tas-saħħa mentali qed nagħtuh dik il-prijorità kbira illi jeħtieġlu,” saħaq il-Prim Ministru.

Mistoqsi dwar spazji miftuħa, Dr Abela saħaq li dak imwiegħed qed jiġi mwettaq fejn qed ikomplu jiftħu proġetti ta’ spazji miftuħa mal-pajjiż kollu. Semma bħala eżempju l-proġett tal-Concert Area f’Ta’ Qali, il-proġett ta’ Bengħajsa u ta’ San Klement.  Semma wkoll il-proġett ta’ Wied Inċita li se jinfetaħ għall-pubbliku. Tenna li l-ħidma tal-Gvern se tkompli sabiex aktar artijiet pubbliċi jinbidlu fi spazji miftuħa minflok jiġu żviluppati u se jidħlu f’diskussjonijiet biex jixtru ġonna privati u jinfetħu għall-pubbliku.

Tkellem ukoll dwar il-pensjonijiet, fejn saħaq kif Gvern Laburista għad-disa’ sena konsekuttiva ta żieda oħra lill-100,000 pensjonant. Semma wkoll li din is-sena reġa’ żdied l-ammont li se jiġi injorat għal fini ta’ taxxa, sabiex jinkoraġġixxu l-pensjonanti jibqgħu attivi u jkomplu jaħdmu wara li jilħqu l-età tal-irtirar. Semma wkoll il-kunċett tal-anzjanità attiva u spjega kif il-Kunsilli Lokali investew f’aktar day centres biex l-anzjani jibqgħu attivi fil-komunità.

Dwar il-ħaddiema barranin, Dr Abela sostna li ma tistax tkun populist f’din il-kwistjoni. Semma uħud mir-riformi li qed jitwettqu biex jirregolaw in-numru ta’ ħaddiema barranin, sabiex jidħlu f’Malta biss dawk il-ħaddiema li huma meħtieġa u semma bħala eżempji infermiera u carers.

Tkellem ukoll kif qed titwettaq miżura oħra b’saħħitha, dik ta’ €500 fis-sena għal tlett snin lill-ġenituri ta’ studenti li jkomplu jistudjaw wara l-età obbligatorja. Tenna li permezz ta’ din il-miżura qed jgħinu lil dawk il-familji jsostnu lil uliedhom biex jinvestu aktar fl-edukazzjoni u jkomplu bl-istudji tagħhom.

Mistoqsi wkoll dwar it-trakka tal-karrozzi, Dr Abela wieġeb li dan il-proġett diġà qed jiġi implimentat b’mod konkret u l-proġett li ġie mwiegħed se jkun qed jitwettaq bi sħiħ.

“L-għażla jekk hux se nsostnu dan il-livell b’saħħtu ta’ investiment, jekk hux se nibqgħu għaddejjin b’din il-politika progressiva ta’ investiment fin-nies. L-għażla hija f’idejkom. Fit-8 ta’ Ġunju, jekk tridu tibqgħu mexjin f’din id-direzzjoni li tħaditna dwarha llejla, l-għażla hija waħda u ċara. Jekk tridu li nibqgħu ninvestu f’dawn is-setturi kollha bis-saħħa, fit-8 ta’ Ġunju vvutaw lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport