Intervista mal-MEP Josianne Cutajar
1. Ezatt wara l-waqfa ghas-Sajf, ftit tal-jiem ilu biss, wassalt għal vot ta’ suċċess dwar l-Att tas-Servizzi Diġitali. X’tikkummenta fuq dan?
Din il-ġimgħa assigurajt vot qawwi fil-kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu għall-Opinjoni li ressaqt għall-Att dwar is-Servizzi Diġitali. Hawn ukoll hemm impenn qawwi favur in-negozji ż-żgħar li rridu nipproteġu u rridu nassiguraw li jkollhom suq ġust fejn joperaw. Għalhekk innegozjajt b’suċċess proposti li jnaqqsu d-dominju assolut li llum għandhom ġganti globali fis-suq biex it-talent lokali u Ewropew igawdi mill-istess opportunitajiet. Ma kontx se nħalli l-operaturi tagħna, kemm zgħar u kemm dawk ftit aktar kbar, jintrikbu minn pjattaformi diġitali waqt li dawn tal-aħħar jibqgħu lura milli jerfgħu ċerti responsabbiltajiet li jġibu magħhom is-swieq tal-kiri u t-trasport.
Mingħajr regolazzjoni ftit kumpaniji tgħoddhom fuq idejk ħatfu s-suq u bnewh fl-immaġni tagħhom tant li llum diffiċli nimmaġinaw spazju diġitali mingħajrhom. Dan ħonoq l-iżvilupp ta’ intraprizi b’saħħithom fl-Ewropa li jistgħu jagħtu servizz ta’ kwalità lill-klijenti mill-Ewropa u minn imkejjen oħra. Bil-vot ta’ din il-ġimgħa imma jidher li kkonvinċejna u għamilna pass importanti lejn spazju diġitali aktar gust u sigur għal kulħadd. Hawnekk rajna kemm huwa kruċjali li l-kumpaniji li jużaw il-pjattaforma diġitali biex jirriklamaw il-prodott tagħhom fis-settur tat-trasport u t-turiżmu jkunu aktar trasparenti, trasparenza li ngawdu minnha wkoll ahna l-konsumaturi. U hawnhekk imbagħad titqajjem ukoll il-protezzjoni tal-istess konsumatur.
2. Issa li erġajt lura għall-ħidma fil-Parlament Ewropew, x’inhi l-ewwel prijorità?
Bla dubju l-istrateġija ġdida Ewropea dwar in-negozji żgħar u medji, li taghha jien in-negozjatur ewlieni f’isem is-Socjalisti u Demokratiċi. Fix-xhur li għaddew iltqajt ma’ għadd kbir ta’ sidien ta’ negozji żgħar u mal-ħaddiema tagħhom, u lkoll lissnu bil-mod tagħhom l-impatt li ħassew. Il-pandemija u r-restrizzjonijiet li ġabet magħha ma kinux ħelwin għall-parti l-kbira tal-industrija. Dawn għalhekk iridu soluzzjonijiet immedjati u pjan li jserrħilhom rashom mill-futur.
Il-prijorità assoluta għalhekk hija li nikkonkludi x-xogħol fuq din l-istrateġija biex nagħtu lura lin-negozji mhux f’Malta u Ghawdex biss, imma madwar l-Ewropa, aktar fiduċja għal li ġej, sostenn biex ikomplu jikbru u jimmodernizzaw , isiru aktar effiċjenti u jkattru x-xogħol.
L-ekonomija Ewropea u speċjalment dik Maltija u Ghawdxija, magħmula minn negozji zgħar u medji. Dawn huma s-servizzi li nuzaw u l-postijiet tax-xogħol tagħna. L-inċertezza u d-diffikultà tagħhom tfisser tbatija għal kulħadd. Inħoss li fi zmien straordinarju li għaddejjin minnu, huwa dmir tiegħi, imma wkoll prijorità għall-Unjoni kollha, li dawn isibu pjan Ewropew li jagħtihom direzzjoni u fuq kollox appoġġ effettiv.
3. X’inhi l-akbar urġenza għall-intraprizi z-zgħar f’dan l-istadju?
L-esperjenza ta’ ftit tax-xhur ilu enfasizzat aktar minn qatt qabel il-ħtieġa li negozju jiddiġitalizza l-operat u s-servizz. Dan konna ilna ngħiduh is-snin għax meta nħarsu lejn l-Amerika u l-Asja nindunaw li fl-Ewropa l-proċess miexi bil-mod wisq biex nibqgħu kompetittivi. Ir-restrizzjonijiet u l-għeluq għal numru sostanzjali ta’ ġimgħat aċċelleraw il-proċess tad-diġitalizzazzjoni hekk kif ħafna sidien fehmu li mingħajr ma jizviluppaw l-aspett diġitali tan-negozju tagħhom ma kinux se jibqgħu relevanti.
Jibqa’ l-ostaklu tal-illitterizmu diġitali fost parti kbira mill-popolazzjoni, imma fuq kollox fost il-ħaddiema. Dan jibqa’ ostaklu kbir għal negozju li jrid jimmodernizza u jwessa’ s-suq tiegħu u fl-istess ħin jipproteġi l-impjegati. It-taħriġ speċjalizzat għal ħaddiema l-aktar fil-qasam diġitali huwa xi ħaġa li qed nimbotta bil-qawwa fejn tidħol l-istrateġija Ewropea għall-SMEs u magħha appoġġ sħiħ lin-negozji z-zgħar biex jibnu l-infrastruttura diġitali tagħhom.
Meta tgħaqqdu max-xogħol li wettaqt fl-Att dwar is-Servizzi Diġitali, konvinta li din il-politika sensata li tħares lejn l-immodernizzar permezz tad-digitalizzazzjoni, imma li tfittex li tibqa’ tipproteġi l-valuri tagħha Ewropej, qiegħda tassew tħalli l-frott.
4. Xi jħassbek l-iżjed mill-effetti fit-tul tal-pandemija?
Qabel xejn nitħasseb minn aspett mediku u ta’ saħħa. Il-fatt li ghad m’ghandniex vaċċin huwa inkwetanti għal kulħadd imma l-iktar għal min fostna huwa l-aktar vulnerabbli. Dawn in-nies diġa’ għaddew minn perjodu iebes ħafna, magħluqin u iżolati.
Għalhekk hu importanti li fil-hidma tieghi fil-Parlament Ewropew inkompli nahdem mhux biss favur ir-ricerka u l-innovazzjoni izda wkoll favur politika industrijali Ewropea li tipprijoritizza aspetti importanti bhal manifattura tal-mediċina u prodotti essenzjali oħra relatati mas-saħħa.
Il-COVID urientna kemm din il-direzzjoni hi bżonnjuża. Riċentament smajt lill-Professur Charmaine Gauci tgħid li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qed tħares lejn disa’ vaċċini għall-Covid li wħud minnhom wasslu f’fażi importanti, imma x’jiswa jekk issib vaċċin imbagħad issib ostaklu biex timmanifatturah?
Nitħasseb ukoll fuq il-fiduċja tan-nies fl-ivjaġġar u fit-turiżmu. Dik il-fiduċja kienet fuq quddiem nett tal-mod kif konna qegħdin nippruvaw nindirizzaw il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-ftuħ tal-fruntieri qabel is-sajf. Meta tara x’effett kellhom, u qed ikollhom, restrizzjonijiet imposti minn pajjizi fuq vizitaturi minn pajjizi ohra tinduna li dawn ma jġibux magħhom sentiment pożittiv, anzi jqanqlu inċertezza u jirriskjaw li jrejxu ċertu ksenofobija.
Għal nies bħalna li ġejjin minn gżira dik l-inċertezza u l-instabbiltà fl-industrija tal-avjazzjoni u ħafna restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar jaffetwawna bil-wisq aktar minn oħrajn. Għalhekk enfasizzajt fuq is-sensibbiltà u s-sensittività sa mill-bidu ta’ din l-esperjenza. Għalina din l-industrija minbarra li tmiss direttament ma’ pilastru ekonomiku li jfisser ukoll ix-xogħol ta’ ħafna familji, hija kwistjoni ta’ aċċessibilità – u fuq dik il-fehma tiegħi cara ħafna.
Inħares ‘il quddiem biex flimkien mal-kollegi fi ħdan it-Taskforce tat-Turiżmu u l-Kumitat għat-Trasport u t-Turizmu fil-Parlament Ewropew inkompli naħdem favur din l-industrija li hi tant importanti għal pajjiżna.
5. Il-Parlament Ewropew se jmur lura għan-normalità?
Kulħadd jixtieq li nerġgħu lura għan-normalità madanakollu n-numru ta’ kazijiet f’ħafna pajjiżi Ewropej ma jawgurax tajjeb wisq. Il-pandemija ma waqfitx il-ħidma tal-Parlament Ewropew fl-ewwel xhur u mhix se twaqqafha issa. Bl-użu tal-mezzi diġitali rnexxielna nadattaw u nkomplu għaddejjin.
Bħalissa diversi Ewroparlamentari oħra daħlu lura lejn il-Parlament, oħrajn baqgħu f’pajjiżhom minħabba r-restrizzjonijiet imposti u oħrajn iddeċidew li jaħdmu b’mod alternat. Iżda filwaqt li l-esperjenza tal-laqghat u voti onlajn hi wahda differenti, tatna wkoll iċ-ċans li nkunu eqreb lejn in-nies fil-kostitwenza, f’pajjizna. Insibha xi ħaġa ferm pozittiva li n-nies jarawna izjed u ma jikkunsidrawx lill-Membru Parlamentari Ewropew ’il bogħod fi Brussell; imma jaraw li aħna ninsabu viċin, li qed naqsmu l-istess esperjenzi. Nemmen li din għandha sservi tagħlima, u li anke l-Parlament Ewropew għandu jaddatta l-iskeda u l-ħidma tiegħu b’mod li jagħti aktar ċans lill-membru jkun aktar fost in-nies li eleġġewh biex l-Ewropa ma tibqax magħluqa fi Brussell imma tmiss direttament mar-reġjuni u l-ibliet taghna.