Saturday, December 21, 2024

“Vot għall-ugwaljanza u t-tama, mhux għall-mibgħeda” – ADPD

Aqra wkoll

F’konferenza stampa fi Gwardamanga, ADPD – The Green Party tkellmu dwar il-proposti u l-viżjoni tal-partit għal soċjetà fejn tirrenja l-ugwaljanza u l-inklussività.

Mina Tolu, kandidat għad-9 u l-10 distrett, fissru kif l-argumenti dwar il-drittijiet tal-komunità LGBTQI huma mifruxa f’diversi taqsimiet tal-manifest, u ċjoe fl-oqsma tas-saħħa, migrazzjoni, edukazzjoni u l-ugwaljanza.

Tolu qalu: “Bħala persuna trans u li tagħmel użu mill-Gender Wellbeing Clinic li jipprovdi s-servizz nazzjonali tas-saħħa nafu, kif jafu sewwa persuni oħra trans f’Malta, li hemm stennija twila biex tingħata dan is-servizz: il-waiting lists huma twal. ADPD qed nipproponu żieda fil-fondi allokati għal din il-klinika u dan biex jonqos il-ħin ta’ stennija kif ukoll biex dan is-servizz essenzjali jkun iktar inklussiv.”

“B’żieda ma’ dan, fil-qasam tas-saħħa ser naħdmu biex ma jibqax ipprojibit li jingħata d-demm minn irġiel li jkollhom x’jaqsmu ma rġiel oħra. Din il-projibizzjoni, li fil-prattika għadha teżisti hi diskriminatorja u hi ibbażata fuq informazzjoni żbaljata kemm dwar l-irġiel gay kif ukoll dwar l-HIV.”

“Fost il-bosta proposti fil-manifest elettorali xtaqna nagħmlu emfasi fuq is-sejħa tagħna għal ri-unifikazzjoni ta’ familji  li għandu jinkludi lir-refuġjati LGBTQI. Irridu ukoll inwessgħu l-politika dwar l-għarfien legali tal-ġeneru billi jkun possibli biex persuni non-binary jibdlu isimhom.”

Carmel Cacopardo, chairperson ta’ ADPD-The Green Party u kandidat fuq ir-4 u d-9 distrett għamel emfasi dwar il-ħtieġa li lkoll naħdmu kontra it-tixrid ta’ kull forma ta’ mibgħeda, b’mod partikolari dik li tfittex li tneżża’ lill persuna mill-umanità tagħha, li issikkitha u tkasbar l-identità tal-persuni u l-mod kif huma jesprimu d-diversità tagħhom.

Kompla jgħid li “sfortunatament, anke f’Malta għadna qed nosservaw żieda fit-tixrid tal-mibgħeda minn gruppi assoċjati mal-lemin estrem fis-soċjetà tagħna. L-omofobija, it-transfobija, ir-razziżmu, il-xenofobija u s-sessiżmu għadhom użati minn uħud fil-politika biex ineżżgħu lil uħud mill-umanità tagħhom. Dan qed iseħħ anke f’din il-kampanja elettorali. Dan mhux aċċettabbli..”

“Nivvutaw favur l-ugwaljanza u t-tama u mhux għall-mibgħeda. ADPD taħdem favur soċjeta ġusta u ugwali għal kulħadd.  Dawk li jfittxu li jsikktu lil dawk li huma marġinalizzati mis-soċjetà ma jistgħux ikunu fdati l-anqas meta jitkellmu dwar ħwejjeġ oħra.  L-iskop tagħhom li jxerrdu l-biża’ u l-mibgħeda hu nuqqas ta’ rispett lejn il-Maltin kollha. Dan jikkontribwixxi biex fis-soċjetà titkattar il-mibgħeda u n-nuqqas ta’ fiduċja bejn il-komunitajiet differenti.”

Cacopardo ikkonkluda billi qal li “nirringrazzjaw lill-NGOs li jaħdmu fl-oqsma tad-drittijiet umani, id-drittijiet tal-mara, tal-emigranti u tar-refuġjati, favur il-persuni b’diżabilità u dawk LGBTQI f’Malta. Malta tkun ferm fqira mingħajr il-ħidma tagħhom tul is-snin.”

Ekonomija

Sport