Saturday, December 21, 2024

Waddbilha pultruna u laqatha f’rasha… stordiet… mar u beda jtiha bis-sieq f’rasha u wara daqqiet ta’ mus

…”nitfgħek f’wheelchair”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-vjolenza domestika minkejja l-ġlieda kontinwa kontriha u minkejja  miżuri li jittieħdu minn żmien għal żmien tibqa’ fattur li b’mod regolari nisimgħu bih. Vjolenza domestika li tieħu diversi forom u li din is-sena rajna kif il-każi ta’ vjolenza domestika kienu jammontaw għal medja ta’ sitt każi kuljum. Bejn Jannar u l-aħħar ta’ Lulju, il-Pulizija kienet irċeviet xejn anqas minn 1,300 każ.  

Minn dawn kien hemm 40 fil-gżira Għawdxija. Wieħed irid jgħid li dawn ma jkunux kollha każi ġodda imma jkun hemm minnhom li jkunu ripetuti.  Illum, il-ħidma li għaddejja qiegħda ssir biex jissolvew l-problemi li ma nħolqux illum, vjolenza domestika li hi kkawżata mill-iżbillanċ ta’ poter bejn nisa u rġiel fis-soċjetà tagħna.  

Proprju fl-aħħar jiem ingħatat sentenza dwar każ klassiku ta’ vjolenza domestika. 

Każ li d-dettalji tiegħu jixxukkjaw u juruk minn xhiex għaddiet il-vittma u l-familja tagħha.  Il-Qorti ikkummentat u qalet li “hu każ klassiku ta’ vjolenza domestika bejn ragel u l-eks mara tiegħu fejn il-vjolenza emozzjonali, fiżika, u finanzjarja wasslet lill-istess mara, vittma vulnerabbli sabiex titlaq minn darha, tabbanduna lil uliedha u tidħol għall-protezzjoni ġo xelter”.

F’wieħed mill-każi gravi li seħħew f’dan il-każ, ir-raġel kien daħal fid-dar tal-ġenituri tal-mara, sabbat lil omm il-mara ma’ gradenza.  Il-mara, bil-biża’ spiċċat iddurlu mal-mejda tal-kċina sabiex hu ma jilħaqiex, iżda  hu qabad pultruna li kienet tinsab viċin il-mejda u waddabha lejha u laqatgħha fuq rasha. Il-mara waqgħet mal-art sturduta u hu mar viċin tagħha, beda jtiha daqqiet ta’ sieq f’rasha u sussegwentament ħareġ mus u taha numru ta’ daqqiet bih.

Il-każ kellu l-bidu tiegħu fil-5 ta’ Mejju meta l-mara  iltaqgħet ma’ ħabib tagħha  u flimkien ħadu il-vettura tagħha għand mechanic minħabba puncture. Iddeċidew li sakemm isiru t-tiswijiet neċessarji, iħallu il-karozza għand il-mechanic u jinżlu Wied iż-Żurrieq bil-karozza tal-ħabib tagħha sabiex jgħaddu l-ħin. Ġara li sakemm kienu qegħdin fil-karozza f’Wied iż-Żurrieq, ir-raġel tal-mara avviċina l-karozza li kienet fiha u filwaqt li beda juża kliem ta’ theddid beda jordna lill-mara biex toħroġ mill-vettura bil-pretest li ried ikellimha. Madanakollu meta nduna li hi ma kienetx ser toħroġ mill-karozza, telaq minn fuq il-post. 

Il-ħabib tal-mara stenna ftit minuti sakemm ir-raġel jilħaq jitbiegħed u saq fid-direzzjoni tal-mechanic sabiex jerġgħu jiġbru l-karozza tal-mara. Fi triqthom, ir-raġel ħareġ fin-nofs tat-triq ġewwa ż-Żurrieq u reġa avviċina l-karozza, fejn reġa’ beda jisfida lill-mara toħroġ mill-karozza. Iżda eventwalment ħareġ ħabib tar-raġel li kien qiegħed f’vettura oħra fl-istess triq u ġibdu l-bogħod mill-karozza  biex ma tkomplix teskala s-sitwazzjoni. 

Il-mara u l-ħabib tagħha marru għand il-mechanic, ġabru l-karozza  u saqu lejn l-għassa taż-Żurrieq biex jagħmlu rapport fuq dak li kien għadu kif seħħ. Sussegwentement, il-mara u l-ħabib saqu wara xulxin lejn id-dar tal-ġenituri tal-mara f’Birkirkara. 

Dak il-ħin ir-raġel kien qiegħed jistenna barra viċin din ir-residenza u baqa’ hemm jistenna sakemm telaq minn fuq il-post il-ħabib tagħha.  Ġara li għall-ħabta tat-tlieta u kwart ta’ wara nofsinhar ir-raġel mar quddiem ir-residenza ġewwa Birkirkara, kisser l-antiporta u daħal ġewwa l-istess fond. 

Dak il-ħin kien hemm i-mara u ommha fil-kċina. Kif rat hekk ommha imxiet fil-kuritur li jinsab eżatt kif tidħol mill-bieb prinċipali tar-residenza sabiex twaqqaf lir-raġel milli jipproċedi għal kċina fejn kienet tinsab bintha. Madanakollu hu sabbatha ma’ gradenza fl-istess kuritur u kompla miexi fid-direzzjoni tal-kċina fejn kienet tinsab il-mara.

Qalet ħames daqqiet ta’ sikkina

F’dan il-mument il-mara pruvat taħrab minn ħdejn ir-raġel u bdiet iddurlu mal-mejda tal-kċina sabiex hu ma jilħaqiex, iżda  hu qabad pultruna li kienet tinsab viċin il-mejda u waddabha lejha u laqatgħha fuq rasha. B’konsegwenza ta’ dan il-mara waqgħet mal-art sturduta u hu mar viċin tagħha, beda jtiha daqqiet ta’ sieq f’rasha u sussegwentament ħareġ mus u taha numru ta’ daqqiet bih. 

Waqt din l-aggressjoni, omm il-mara intefgħat fuq ir-raġel sabiex twaqqfu, tagħtu daqqa ta’ ponn f’żaqqu u ġibdet il-mus minn idejh. Ir-raġel imbotta lil omm il-mara, reġa’ ħa l-mus f’idejh u kompla jagħti numru ta’ daqqiet oħra bil-mus lil mara tiegħu. Mir-rapport tal-espert mediko-legali maħtur mill-Maġistrati inkwerenti Dr Mario Scerri, il-mara qalgħet ħames daqqiet ta’ mus mingħand ir-raġel f’għonqha, sidirha u daharha. 

Minkejja li feruta il-mara irnexxilha toħroġ barra biex tgħajjat għal għajnuna. F’dak il-mument ir-raġel ħareġ mid-dar tefa’ l-mus f’barriera viċin id-dar u baqa’ sejjer l-Għassa tal-Pulizja sabiex jinforma lil Pulizija ta’ dak li ġara. Il-mara reġgħet daħlet lura fir- residenza u minn hemm ċemplet għall-ambulanza. 

Damu miżżewġin 11-il sena 

Jirriżulta li dan ir-raġel u l-mara kienu iżżewġu nhar it-18 ta’ Lulju tas-sena 1987 mill-liema żwieġ kellhom żewġt ibniet. Ftit snin wara u ċioe’ fis-sena 1998, huma sseparaw iżda xorta baqgħu jgħixu fl-istess residenza. Madanakollu 27 ta’ Ottubru tas-sena 2010, il-mara fittxet rifuġju u protezzjoni ġewwa x-xelter Dar Merħba Bik minħabba fastidju u theddid kontinwu li kienet tirċievi mingħand ir-raġel. 

Illi fil-perjodu li kienet residenti f’Dar Merħba Bik, il-mara baqgħet ripetutament tirċievi telefonati mingħand ir-raġel, u kien kontinwament jsaqsi għaliha mal-impjegati ta’ din ir-residenza. Ir-raġel kien ukoll iżur din ir-residenza fejn kien jibqa’ jinsisti li jrid ikellem lill-mara. Minkejja li l-mara talbitu ma jibqax jagħmel kuntatt magħha huwa baqa’ jinsisti li jkellimha u jheddida. 

Matul dan il-perjodu, il-mara, imwerwra minn dak li darba kien ir-ragel tagħha, ma kinitx qiegħda toħroġ minn Dar Merhba Bik peress li r-raġel kemm il-darba informaha li f’każ li toħroġ barra, hu kien ser isibha u jweġġaha tant li saħansitra qallha “nitfgħek f’wheelchair”. B’konsegwenza ta’ dan, il-mara ma setgħetx tiltaqa’ mat-tfal tagħha. Peress li r-raġel beda jżur din id-dar iktar ta’ spiss, il-mara ġiet trasferita f’residenza oħra li hija iktar sigura u ċioe’ Dar Għabex. Wara li għamlet xi żmien tirrisjedi ġewwa dar Għabex, f’April tas-sena 2011, il-mara iddeċidiet li titlaq minn dar Għabex u tmur tirrisjedi għand il-ġenituri tagħha fl-indirizz f’Birkirkara. 

Iċemplilha f’Dar Meħba Bik u jgħidilha li se joqtol lill-ġenituri tagħha

F’okkażjoni minnhom ir-raġel ċempel lill-mara li kienet qiegħda tirrisjedi ġewwa Dar Merħba Bik u informaha li kien ser joqtol lill-ġenituri tagħha li kienu joqogħdu Birkirkara.  F’okkażjoni oħra, ir-raġel ċempel id-dar tal-ġenituri tal-mara u qalilhom li martu kienet ser tispiċċa bħal dik il-mara tal-Imġarr (b’referenza għall-omiċidju ta’ Christine Sammut, li nqatlet mill-eks sieħeb tagħha, li kien għadu kif iseħħ dak iż-żmien). 

B’konsegwenza ta’ dawn l-episodji numerużi u ripetuti, il-mara ma kienetx toħroġ mid-dar minħabba l-biża’ reali li r-raġel ikun qiegħed jistenniha barra.  Fil-5 ta’ Mejju tas-sena 2011, ir-raġel saq lit-tifla tiegħu  lejn Pembroke għal ħabta  tad-disgħa ta’ filgħaxija fejn informaha li sejjer jixtri arma biex joqtol lil ommha. 

Wara l-verdett tal-ġurija fejn instab ħati, il-Qorti iddikjarat li r-raġel instab ħati ta’ tentattiv t’omiċidju volontarju, jiġifieri talli nhar il-5 ta’ Mejju 2011 għall- ħabta tat-tlieta u kwart ta’ wara nofs in-nhar f’dawn il-gżejjer u senjatament fil-fond ġewwa Birkirkara, dolożament, bil-ħsieb li joqtol lill-mara tiegħu. 

Il-prosekutur Dr Kaylie Bonnett qalet li r-raġel nstab ħati taħt ħames Kapi, b’verdett b’saħħtu ħafna mill-ġurija u rreġistra ammisjoni fir-rigward tal-aħħar żewġ kapi. Tgħid kif ir-raġel fl-aħħar irnexxielu jagħmel dak li kien ilu biex jagħmel wara li għadda lil mara tiegħu minn martirju ta’ vjolenza domestika u abbuż assolut. Enfasizzat li r-raġel m’għandux rispett lejn l-awtoritajiet u saħansitra kiser il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest u garanzija saħansitra jumejn wara biss li ngħatat fil-konfront tiegħu. 

Hi enfasizzat ukoll li minħabba l-biża kontinwa li għaddiet minnu, hi  spiċċat tghix ġo shelter għall- protezzjoni tagħha l-boghod minn uliedha li tant tħobb. Stqarret ukoll li għaġir bħal dan ma hemmx postu f’soċjetà u għalhekk il-Qorti għandha tagħti piena lejn il-massimu. Hija kkonkludiet li l-vjolenza domestika ma hemmx postha fis-soċjetà taħt l-ebda ċirkostanza. 

L-Avukat Alexandra Mamo bhala avukat parte civile qalet li dan il-każ hu aggravat bi vjolenza domestika fejn il-vittma prinċipali  ġiet abbużata ripetittivament mill-eks raġel tagħha kemm verbalment, finanzjarjament u anke fiżikament. Qalet li l-mara ġarrbet sitt daqqiet b’mus u l-atteġġjament tar-raġel kisser familja. Familja fejn suppost hu post t’imħabba u għożża iżda minflok il-mara u wliedha gew esposti għall-vjolenza u abbuż. Qalet li r-raġel  baqa’ jippersisti u ma wera l-ebda rimors. 

Dwar il-piena, il-Qorti qalet li rat li dan hu każ klassiku ta’ vjolenza domestika bejn ragel u l-eks mara tiegħu fejn il-vjolenza emozzjonali, fiżika, u finanzjarja wasslet lill-istess mara, vittma vulnerabbli sabiex titlaq minn darha, tabbanduna lil uliedha u tidħol għall-protezzjoni ġo xelter. Mhux talli hekk, izda minħabba l-aġir ripetut u abbużiv tar-raġel, kellha saħansitra tbiddel anke ix-xelter inqatgħet mid-dinja billi l-ġenituri tagħha u lanqas uliedha ma setgħu jżuruha u għalhekk minkejja li kienet il-vittma spiċċat hi ġewwa ħabs u dan għax ma setgħetx tgawdi l-moviment liberu tagħha. 

Intqal li din il-Qorti ma tista’ qatt taċċetta li jkun hemm vjolenza domestika f’soċjetà ċivilizzata u għandha dejjem tikkundanna aħir bhal dan deplorabbli fuq membri tal-familja li jkunu membri daqstant vulnerabbli. Huwa d-dover ta’ din il- Qorti li tagħti messaġġ ċar u dirett li azzjonijiet bħal dawn  ghandhom isibu l-id iebsa tal-ġustizzja u għalhekk dak li jkun għandu jiffaċċja piena severa. 

F’dan il-każ it-theddid, l-inġurji, il-fastidju u l-biża’ ta’ vjolenza seħħew fuq mhedda ta’ żmien tant li kkaġunaw trawma rreparabbli kemm fuq il-mara u wliedha u neħħiet għal kollox il-paċi, l-imħabba u l-għożża li għandu jkun hemm ġewwa familja. 

Il-Qorti qalet li komportament tar-raġel ma jista’ qatt jiġi ġustifikat u għalhekk wasal iż-żmien li hu għandu jpatti għal ghemilu. Din il-Qorti rat ukoll li r-raġel mhux talli ma għandux rispett lejn l-eks mara tieghu, il-kunjati tieghu u wliedu li ġab f’din id-dinja, izda wkoll ma għandux rispett lejn l-amministrazzjoni tal-ġustizzja tant li minkejja li ngħata garanzija sabiex ma jimmolestax u ma jinġurjax u ma javvicinax lilmara,  fi-3 ta’ Mejju, 2011, kien biss jumejn wara li kkommetta d-delitt t’attentat t’omiċidju fost akkużi oħra. Mhux hekk biss, iżda kien biss ukoll tnax-il jum wara li huwa ngħata l-libertà proviżorja b’digriet maħruħ fit-23 t’ April tas-sena 2011 li huwa kkommetta r-reati li taghhom nstab ħati. Żgur għalhekk li f’ċirkostanzi bħal dawn, il-Qorti qatt ma tista’ tkun klementi miegħu. 

Il-Qorti ikkundannatu  għall-piena ta’ ħamsa u għoxrin  sena prigunerija.

Ekonomija

Sport